Żewġ drammi ta’ Francis Ebejer lura fuq it-TV

Matul ix-xahar ta’ Ġunju TVM se jkun qed iwassal żewġ xogħlijiet ta’ Francis Ebejer.

Nhar it-Tlieta 2 ta’ Ġunju fid-8.50pm se jkun qed jitwassal Sefora bis-sehem ta’ Karmenu Vella, Doreen Dimech, Ninette Micallef, Joe Camilleri u Victor Bartolo. Il-produzzjoni u direzzjoni kienet ta’ Joe Borg Ghigo.

Xena minn Sefora

It-Tlieta 9, 16 u 23 ta’ Ġunju fuq TVM, dejjem fid-8.50pm, se jixxandar L-Imnarja Żmien il-Qtil, meqjus bħala wieħed mill-aqwa xogħlijiet ta’ Ebejer. Din il-produzzjoni kienet ittellgħet mill-kumitat tal-Festival Internazzjonali tal-Arti flimkien ma’ Talenti f’Lulju tal-1995 sentejn wara li kien ħalliena l-awtur.

Il-produzzjoni nħadmet fl-iskola primarja ta’ Ħad-Dingli fejn Ebejer kien jgħallem għal bosta snin.

Ray Abdilla u Mario Micallef f’L-Imnarja Żmien il-Qtil

F’L-Imnarja Żmien il-Qtil jieħdu sehem Mario Micallef, Stephanie Farrugia, Michael Sciortino, Ray Abdilla, Rachel Portelli, Shirley Blake, Fabian Scerri De Carlo, Joe Cortis, Lino Grech u Mary Rose Bonello.

Id-direzzjoni ta’ din il-produzzjoni kienet f’idejn Karmenu Aquilina.

Apparti dawn iż-żewġ produzzjoni, nhar ta’ Sibt fil-4.45pm, TVM qed ixandar Il-Ħarsa ta’ Rużann, li huwa wkoll xogħol ta’ Francis Ebejer.

Anna Bassily f’Il-Ħarsa ta’ Rużann

Dan hu l-uniku rumanz ta’ Francis Ebejer miktub bil-Malti, ippubblikat l-ewwel darba mill-Klabb Kotba Maltin fl-1985. Il-produzzjoni tas-sensiela televiżiva, b’addattament u direzzjoni ta’ Albert Marshall, hi ta’ Horizons.