Żewġ djoċesijiet fl-Ingilterra se jwarrbu l-fjuwils fossili

Dħaħen minn fjuwils fossili li jagħmlu ħsara kbira lill-ambjent

Id-djoċesijiet ta’ Middlesbrough u Lancaster fl-Ingilterra ħabbru li se jisvestu mill-fjuwils fossili u b’hekk ikunu l-ewwel djoċesijiet fl-Ingilterra u Wales li jieħdu dan il-pass importanti lejn arja aktar nadifa.

L-aħbar ngħatat miż-żewġ djoċesijiet flimkien ma’ żewġ ordnijiet reliġjużi oħra – il-provinċja tal-Patrijiet Ġiżwiti u s-Sorijiet tal-Preżentazzjoni flimkien ma’ disa’ knejjes lokali oħra u istitutzzjonijiet Kattoliċi fl-Ingilterra.

Dawn issa se jiżdiedu ma aktar minn 160 istituzzjoni Kattolika  oħra madwar id-dinja li kkommettew ruħhom li ma jużawx fjuwils fossili bħalma huma l-faħam u żjut. L-organiżazzjonijiet reliġjużi huma l-akbar kontributuri biex ikollna ambjent u arja aħjar tant li bejniethom,  b’din l-inizjattiva svestew ruħhom minn assi li jammontaw għal  tnax il-triljun dollaru.

Kura għad-Dar Komuni

L-Isqof Terry ta’ Middlesbrough qal li “b’għarfien akbar tat-tħassib tan-nies dwar id-dar komuni tagħna, bl-appoġġ tal-Kunsill Saċerdotali tad-djoċesi, wara li għamilna skrutinju tajjbe tal-investimenti tad-djoċesi u bl-għajnuna ta’ ‘Operation Noah’, iddeċidejna li wasal iż-żmien li nisvestu lilna nfusna  mill-fjuwils fossili. L-evidenza u l-urġenza tal-kriżi fil-klima qed narawha u nħossuha. Kif jgħid tant ċar il-Papa Franġisku fl-Enċiklika “Laudato si” dwar il-ħarsien tad-Dar Komuni tagħna, xejn ma jirnexxi jekk ma nibdewx mill-konverżjoni personali, bidla fl-istil tal-ħajja u fil-ħsieb”.

James Buchanan, Manager tal-kampanja ‘Operation Noah’ stqarr li “aħna ferħana bid-deċiżjoni tad-djoċesijiet ta’ Middlesbrough u Lancaster li jisvestu lilhom infushom mill-fjuwils fossili flimkien ma’ żewġ ordnijiet reliġjużi oħra. Nittamaw li istituzzjonijiet Kattoliċi oħra jingħaqdu magħhom u jieħdu dan il-pass b’imħabba lejn il-ħolqien t’Alla u għal dawk li huma l-aktar milquta mill-kriżi fil-klima fosthom dawk li qed jgħixu fl-ifqar komunitajiet fid-dinja”.

L-aħbar miż-żewġ djoċesijiet ngħatat f’Jum l-Epifanija fiol-bidu ta’ sena importanti għall-azzjoni globali dwar il-klima, partikolarment fir-Renju Unit fejn fi Glasgow, f’Novembru li ġej se tiltaqa’ l-konferenza internazzjonali li qed tissejjaq COP26 – Summit dwar il-Klima.

F’Settembru tal-2018, Antonio Guterres, Segretarju Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti kien qal li: “Il-bdil fil-klima hu l-aktar suġġett importanti ta’ żmienna u ninsabu f’mument deċisiv. Qed niffaċċjaw theddida eżistenzjali u jekk ma nibdlux it-triq sal-2020, inkunu qed nirriskjaw li nitilfu ċ-ċans li nevitaw tibdil irreversibbli fil-klima b’konsegwenzi diżastrużi għan-nies u s-sistemi naturali kollha li jsostnuna”.

Sfida għaċ-ċiviltà

Ix-xahar li għadda, il-Papa Franġisku fil-messaġġ li bagħat lill-parteċipanti ta’ Summit dwar il-Klima li sar  f’Madrid iddikjara li l-emerġenza fil-klima hi “sfida għaċ-ċiviliżazzjoni u kien hemm bżonn ta’ rieda politika qawwija u ċara bl-iskop li nibdew rotta ġdida u niffukaw l-investiment finanzjarju u ekonomiku tagħna lejn oqsma li verament iħarsu l-kundizzjonijiet tal-ħajja li jkunu jixirqu lill-umanità u pjaneta b’saħħitha għal-lum u għall-ġejjieni”.

Mark Carney, Gvernatur tal-Bank tal-Ingilterra qal li għalkemm fis-settur finanzjarju qed jitnaqqas l-investiment f’kumpanniji taż-żejt u l-gass, dan mhux isir b’pass mgħaġġel biżżejjed. Hu wissa’ li kumpanniji u istituzzjonijiet finanzjarji iridu jaraw hux ġustifikat li jkomplu jinvestu fil-fjuwils fossili.