Żewġ dgħajjes għall-FAM f’Għawdex fil-jiem li ġejjin

Fil-jiem li ġejjin se jissaħħu r-riżorsi tal-Forzi Armati ta’ Malta f’Għawdex permezz ta’ SAR boat u defender boat. Dan wara li l-patrol boat P32 li kienet stazzjonata Għawdex ilha ma topera għall-aħħar ġimgħat.

Fi tweġibiet għall-mistoqsijiet ta’ Newsbook.com.mt, kelliema għall-Ministeru għall-Intern u s-Sigurtà Nazzjonali qalet ukoll li l-membri tal-Forzi Armati f’Għawdex bħalissa qed jingħataw taħriġ fuq id-dgħajjes li se jieħdu post il-P32.

Il-Ministeru qal ukoll li sadanittant it-Tramuntana ta’ Malta qed tiġi sorveljata minn opri tal-baħar tal-Iskwadra Marittima.

Minn informazzjoni li għandu Newsbook.com.mt il-P32 ma baqgħetx topera għax ma kinitx għadha tajba għall-baħar.  Persuni li tkellmu ma’ dan is-sit kienu mħassba li Għawdex kien mingħajr patrol boat għax jista' jwassal biex operazzjonijiet ta’ salvataġġ ifallu, minħabba d-dewmien.

Il-P32 kienet ilha stazzjonata fl-Imġarr minn Ġunju 2011 biex tkun tista' tagħti għajnuna aktar immedjata f'Għawdex u fin-naħa ta' fuq ta' Malta.

Ħalli l-kumment tiegħek hawn.