Żewġ dehriet għal Madonna fil-Eurovision

Il-wirja li Madonna se tagħti fil-finali tal-Eurovision Song Contest għadha qed tiddomina l-aħbarijiet u bla dubju li hemm stennija kbira biex din il-kantanta tidher. Għall-kantanta ta’ 60 sena din se tkun ir-raba’ wirja tagħha fl-Iżrael iżda l-ewwel waħda fil-Eurovision.

Il-wirjiet tagħha fl-Iżrael qabel din ta’ din is-sena kienu fl-1993, fl-2009 u fl-2012.

Għal din iż-żjara qed jingħad li din se tkun akkumpanjata minn tim ta’ 160 persuna.

Madonna se tkun qed tkanta fil-ħin tal-intervall tal-finali tas-Sibt 18 ta’ Mejju. Waħda mill-kanzunetti li se tinterpreta hi mistennija li tkun Like A Prayer, li ftit tal-ġimgħat ilu kien it-30 sena anniversarju minn mindu nħarġet.

Il-kanzunetta l-oħra li se tkanta Madonna fil-Eurovision għadha mhux ikkonfermata iżda għandha tkun waħda ġdida mill-album Madame X li se tniedi fl-14 ta’ Ġunju.

Barra dan kollu issa qed jingħad ukoll li Madonna se tkun qed tagħmel dehra oħra fil-Eurovision, u dan se jkun waqt it-tieni semi finali, dik tas-16 ta’ Mejju. Madonna se tkun qed titla’ fuq il-palk għal intervista fejn skont l-aħħar xnigħat fejn se tkun qed titkellem dwar l-affezzjoni tagħha lejn l-Iżrael u lejn il-Eurovision Song Contest.

Din se taħbat fl-istess semi finali li Malta se tkun qed tieħu sehem permezz ta’ Michela bil-kanzunetta Chameleon.