Żewġ cruise liners kwarantina; 13-il persuna abbord bil-coronavirus

REUTERS

Eluf ta’ passiġġiera u impjegati fuq żewġ cruise liners fl-ibħra Ażjatiċi qegħdin kwarantina minħabba riskju tal-coronaviurs, wara li l-għadd ta’ persuni mejta minħabba dan il-virus qorob lejn il-500.

Madwar 3,700 persuna bħalissa qed taffaċċja tal-anqas ġimagħtejn maqbuda fuq cruise liner qrib il-Ġappun peress li hemm 10 persuni abbord li għandhom il-coronavirus. Fil-Hong Kong hemm iżjed minn 1,800 persuna fuq cruise liner ieħor peress li hemm tliet persuni abbord bil-virus.

Il-Kummissjoni Nazzjonali għas-Saħħa fiċ-Ċina ħabbret li mietu 65 persuna oħra lbieraħ, b’hekk b’kollox s’issa hemm 490 persuna li spiċċaw vittma tal-coronavirus. Il-maġġoranza ta’ dawn l-imwiet ġraw f’Wuhan minn fejn oriġina l-virus. Mietu wkoll żewġ persuni barra miċ-Ċina, wieħed fil-Filippini u ieħor fil-Hong Kong, li t-tnejn kienu żaru Wuhan ftit qabel.

In-numru ta’ persuni infettati fiċ-Ċina tela’ għal 24,324 persuna.

Il-ġimgħa li għaddiet kien hemm sitwazzjoni simili fl-Italja, peress li eluf inżammu fuq cruise liner għax kien hemm ċans li persuna abbord kellha l-virus, iżda dawn intelqu meta testijiet li saru rriżultaw fin-negattiv.