Żewġ anzjani jmutu bil-Covid-19; Total jitla’ għal 90 persuna

Read in English.

Il-Gvern ħabbar żewġ imwiet oħra bil-Covid-19 u b’hekk it-total ta’ imwiet f’Malta b’dan il-virus tela’ għal 90 persuna. Fiż-żewġ każijiet huma ttestjaw pożittivi għall-virus wara mewthom.

Il-Ministeru għas-Saħħa qal li fl-ewwel każ, anzjan ta’ 82 sena miet fir-residenza privata tiegħu fit-8 ta’ Novembru. L-iswab test, li sar wara li l-persuna nstabet mejta, ikkonferma li kien pożittiv għall-Covid-19.

Fit-tieni każ, anzjan ta’ 78 sena li miet fl-Isptar Mater Dei fl-10 ta’ Novembru, irriżulta li kien pożittiv għall-Covid-19 wara li kien miet.

Il-Ministeru għas-Saħħa ta l-kondoljanzi lill-familjari tal-anzjani u appella biex kulħadd isegwi l-miżuri ta’ prevenzjoni, fosthom l-ilbies tal-maskra, id-distanza fiżika u l-ħasil tal-idejn.