Aġġornata: Żewġ aġenziji ta’ kreditu jgħollu l-grad ta’ Malta

L-aġenzija ta’ kreditu Kanadiża, DBRS, għolliet il-klassifika ta’ Malta minn A għal A high, u l-prospetti għall-finanzi pubbliċi nbidlu minn pożittivi għal stabbli.
Id-DBRS qalet li waslet għal din id-deċiżjoni l-aktar minħabba t-triq li qabad id-dejn pubbliku, li tjieb fl-aħħar snin u naqas minħabba prospettivi ta’ tkabbir.
Qed tantiċipa wkoll li d-dejn tal-Gvern f’relazzjoni mal-Prodott Gross Domestiku (GDP) jinżel għal 41.2% sal-2022, jiġifieri 7% inqas mill-aħħar tbassir li għamlu l-ekonomisti ta’ din l-aġenzija.
Intqal li l-ekonomija Maltija qed tkompli tiġi xprunata ’l quddiem, u hija waħda mill-aktar li qed imorru tajjeb fiż-Żona Ewro, u hawnhekk irrimarkaw kif it-tkabbir bejn l-2004 u l-2012 kien dak ta’ 2.1%, iżda issa sar tliet darbiet aktar bejn l-2013 u l-2017, jiġifieri 6.4%.
Id-DBRS ibassru li l-GDP ikompli jikber bir-rata ta’ 5% bejn l-2018 u l-2020, u fit-tul taż-żmien jagħlaq għal 3%.
Malta tejbet ukoll l-immaniġġjar fiskali tagħha, u hawnhekk l-aġenzija ssemmi kif l-addozzjoni tal-Att dwar ir-Responsabbiltà Fiskali fl-2014 kien kruċjali għal dan it-tisħiħ fiskali.
Dwar il-banek, l-ekonomisti jgħidu li s-settur huwa kbir ħafna, iżda dawk il-banek lokali biss huma marbutin mal-ekonomija lokali, allura r-riskju li jintilfu flejjes fl-ekonomija jitnaqqas.
Madankollu, hemm l-isfidi…
Il-kumpanija ta’ kreditu telenka xi sfidi, fosthom l-ispejjeż li dejjem jinbidlu li għandu l-Gvern, u dan l-aktar minħabba s-setturi kbar li huma tal-istat, u s-settur finanzjarju li ddeskrivewh bħala “konċentrat”.
Din il-vulnerabbiltà tissokta għax l-ekonomija Maltija hi żgħira imma miftuħa, u tistrieħ ħafna fuq l-andament ekonomiku ta’ barra, bħalma jiġri fis-settur tat-turiżmu.
“L-istituzzjonijiet fil-pajjiż stabbli” – il-Gvern
Sadanittant, il-Gvern irreaġixxa billi fost l-oħrajn qal li minkejja l-kampanja negattiva li ħaddieħor qed imexxi dwar il-kollass tal-istituzzjonijiet pubbliċi, ir-rapport tad-DBRS jirrimarka li l-ambjent politiku f’Malta huwa stabbli, u li l-Gvern qed jistinka biex titjieb il-governanza u jissaħħaħ il-qafas istituzzjonali.
Żied ukoll li anki l-Moody’s, aġenzija simili tad-DBRS, tejbet it-tbassir tagħha għal Malta.
"Żewġ konfermi oħra ta’ kif qed nibdlu l-pajjiż" – PL
Il-Partit Laburista wkoll irreaġixxa għal dawn l-aħbarijiet, meta fi stqarrija qal li dzwn jikkonfermaw kif l-amministrazzjoni fil-partit qed tibdel lill-pajjiż.
"Fil-fatt dawn it-tip ta’ rapporti huma dawk li jħarsu lejhom investituri minn madwar id-dinja meta jaraw fejn se jmorru bil-proġetti li jmiss tagħhom. Mhux ta’ b’xejn li Malta llum għandha rekord ta’ investiment", ittemm tgħid l-istqarrija tal-PL.
Awra r-rapport sħiħ tad-DBRS bl-Ingliż, minn hawn taħt: