Żepp: Minn kelb maħqur għall-maskot tal-futbol Malti

L-istorja ta' Żepp hi bħal waħda minn dawk l-istejjer tal-films. Żepp jista' jitqies bħala kelb iffortunat wara li l-każ tiegħu spiċċa mxandar fuq il-midja lokali u salva minn ħalq il-mewt. 

Ftit tax-xhur ilu, ir-ritratt ta' Żepp, maqful għal ġranet sħaħ ġo għalqa fl-akwati tal-Mellieħa mingħajr ikel u xorb mess il-qlub ta' ħafna. 

Fosthom kien hemm il-President tal-Assoċjazzjoni tal-Futbol Malti (MFA) Norman Darmanin Demajo li ħenn għall-kelb u ddeċieda li jadottah u jibda jgħix fil-grawnd nazzjonali ta' Ta' Qali.

L-isem ta' Żepp, iddeċidewh il-Maltin stess, wara li fuq il-websajt tal-MFA, is-segwaċi tal-futbol setgħu jissuġġerixxu isem għall-kelb. L-iktar isem li ssemma kien Ġużepp/Żepp.

Żepp dejjem ikun l-ewwel wieħed li jsellem lill-plejers li jridu jidħlu fil-grawnd, hekk kif il-kamra tiegħu, li nbniet apposta għalih, tinsab maġenb il-grada ewlenija tal-istadium

Ftit tal-ġimgħat ilu, Żepp "ingħata promozzjoni".  Waqt l-aħħar logħob għall-kwalifikazzjoni għat-Tazza tad-Dinja, qabel it-tisfira tar-referee, Żepp ħareġ fil-grawnd mal-plejers, bħala l-maskot uffiċjali tal-MFA u ovvjament, liebes flokk tan-nazzjonal.

Saħansitra, l-istorja ħelwa ta' Żepp ingħatat ukoll importanza mill-websajt tal-UEFA.