‘Żejt’ flok ilma fil-kalċi waqt il-quddiesa

Wara li lbieraħ l-Arċisqof Charles Scicluna sab whiskey flok inbid meta xorob mill-kalċi waqt it-tqarbin, persuni ikkuntattjaw lil Newsbook.com.mt biex ifakkru li l-Arċisqof Ġużeppi Mercieca mhux whiskey kien sab iżda żejt jew spirtu li jintuża biex jinxtegħel in-nar u b’hekk iservi flok xemgħa. Waqt li l-whiskey jista’ jinxtorob bla problema, għalkemm ma jistax’ jiġi kkonsagrat peress li mhux magħmul mill-għeneb, l-ispirtu jew żejt li ntefa’ fil-kalċijiet fi żmien l-Arċisqof Mercieca jista’ jkun valenuż jekk jinxtrorob.

Aqra: Whisky fil-kalċi tal-Kon-Katidral, “Inċident sfortunat”

Tqarbnu biss bl-Ostja

L-istorja kollha ġrat snin ilu waqt il-quddiesa ta’ Ħamis ix-Xirka filgħodu meta l-Arċisqof Mercieca flimkien mal-biċċa l-kbira tal-qassisin tad-djoċesi, inġabru fil-Kon-Kattidral ta’ San Ġwann il-Belt għall-quddiesa fejn il-qassisin iġeddu l-wiegħdiet tas-saċerdozju u fejn jiġu konsagrati ż-żjut użati waqt diversi sagramenti. Waqt l-offertorju, kif jiġri f’kull quddiesa, ftit qtar tal-ilma jitħaltu mal-inbid li mbagħad jiġi kkonsagrat.

Kif beda t-tqarbin xi ħadd induna li fil-wiċċ tal-inbid ikkonsagrat kien hemm diversi qtar ta’ likwidu li żgur ma kienx ilma għax kieku tħallat mal-inbid. Fil-fatt instab li dawk il-qtar kienu ta’ żejt li jintuża biex jitqabbad flok xemgħa. Dak in-nhar ħafna mill-qassisin preżenti kellhom jitqarbnu biss bl-Ostja konsagrata.

Li kien ġara kien li fil-cupboard fejn jinżammu l-ilma u l-inbid jinżammu wkoll il-flixken biż-żejt jew spirtu li jintuża biex jitqabbad flok xemgħa. Bi żball, fl-impulluzzi, flok ilma intefa’ minn dak iż-żejt.

Ġrat anke f’B’Kara

Newsbook.com.mt huwa infurmat li dan l-iżball ġara mill-anqas darba oħra f’waħda mill-parroċċi ta’ Birkirkara. Il-qassis ma ndunax u xorob kollox. Indunaw hekk kif spiċċat il-quddiesa u l-qassis mar l-isptar biex ingħata kura għal li ġara.

X’ġara f’San Ġwann ilbieraħ?

L-inċident tal-bieraħ fejn kien hemm whiskey flok inbid ġara waqt il-quddiesa tal-11am fil-Konkatidral ta’ San Ġwann fil-Belt Valletta, li fiha nfetaħ il-proċess għall-beatifikazzjoni ta’ Brother Louis Camilleri. Peress li din kienet ċelebrazzjoni kbira kienu ġew konsagrati aktar minn kalċi wieħed u allura t-tqarbin seta’ jsir biż-żewġ speci billi intuża l-inbid ikkonsagrat f’kalċi ieħor.

Wara l-quddiesa kien iċċarat li dan kien incident sfortunat probabbilment bħal ma’ kien ġara f’waħda mill-parroċċi f’B’Kara u dak li sar ma sarx b’xi sinjal ta’ nuqqas ta’ rispett.