Zebbug Rangers u Mosta wkoll fis-semifinali tal-Malta Summer Cup

Ilbieraħ fil-Luxol Stadium kellna l-aħħar żewġ logħbiet mill-fażi tal-gruppi, biex ġew determinati l-aħħar żewġ semifinalisti.
L-ewwel logħba kienet dik bejn Zebbug Rangers u Floriana, biż-Żebbuġin li ħarġu rebbieħa bl-għoti tal-penalties.
Zebbug Rangers fetħu l-iskor fis-17-il minuta, mill-eks plejer ta’ Sliema Wanderers Matthias Mucchiardi.
Floriana ġabu d-dro fid-29 minuta permezz tal-plejer Sloven Vito Plut.
Fit-73 minuta, minn xutt b’saħħtu u angulat, Miguel Gudiel għamel wieħed mill-isbaħ gowls f’din il-kompetizzjoni.
Floriana ġabu d-dro li ħa liż-żewġ timijiet għall-għoti tal-penalties, permezz ta’ Giovanni Galea fil-91 minuta.
Fl-għoti tal-penalties iż-Żebbuġin marru l-aħjar meta skurjaw erbgħa kontra l-wieħed skurjat mill-Furjaniżi.
Fit-tieni logħba, Mosta b’rebħa konvinċenti ta’ 4-0 fuq Vittoriosa Stars, għamluha wkoll għas-semifinali.
Mosta fetħu l-iskor wara għaxar minuti logħob permezz ta’ Manolito Micallef.
Ftit minuti biss wara, Adrian Borg għamel doppjetta fl-14 u fis-16-il minuta.
Bojan Kaljevic għalaq l-iskor finali għal 4-0.
Il-klassifika ta’ Grupp B tara lil Zebbug Rangers u Mosta b’seba’ punti, Floriana b’4 punti u Vittoriosa bla punti.
Għalhekk issa nhar il-Ħamis ikollna żewġ semifinali bejn Balzan u Mosta fis-6:30pm u bejn Zebbug Rangers u Pietà Hotspurs fit-8:30pm.