Żbilanċ fil-pagi jwaqqaf lin-nisa milli jkunu indipendenti – Sant

Alfred Sant

L-Ewroparlamentari Laburista Alfred Sant sostna li d-diskriminazzjoni illegali fil-pagi bejn in-nisa u l-irġiel twaqqaf lin-nisa milli jkunu awtonomi u indipendenti.

Hu qal dan filwaqt li vvota favur riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar id-differenza fil-pagi bejn is-sessi fl-Unjoni Ewropea. Sant qal li l-prinċipju ta’ paga indaqs għal xogħol ta’ valur ugwali kien imtenni fil-Pilastru Ewropew għad-Drittijiet Soċjali. Qal li d-differenza fil-pagi bejn is-sessi għandha tkun fuq quddiem tal-aġenda għall-ġustizzja soċjali.

Sant talab biex ikun assigurat li l-kumpaniji li jingħataw il-fondi Ewropej jkollhom standards għoljin ta’ xogħol u jipprojbixxu kull forma ta’ prattika diskriminatorja lejn in-nisa.

Hu u jispjega xi tfisser il-gender pay gap, Sant qal li l-aħjar persuni li jistgħu jispjegaw dan huma n-nisa li jieħdu ħsieb lill-familja. Qal li dawn ikollhom jieħdu pawża mill-karriera tagħhom jew inkella jaħdmu inqas sigħat. Sostna li karrieri mhux kontinwi għandhom jingħataw valur aħjar mis-soċjetajiet. Qal li dan peress li aktar tard, dan ikun rifless fil-pensjonijiet u l-etajiet ta’ rtirar. Qal imbagħad li hemm kawżi oħrajn għad-differenza fil-pagi li jibqgħu bla spjegazzjoni. Dawn jinkludu sterjotipi tal-ġeneru u valutazzjoni baxxa ta’ xogħol li huwa ddominat min-nisa.

Sant irrimarka li t-trasparenza fil-pagi għadha rari fis-settur privat. Qal li n-nuqqas ta’ trasparenza fil-pagi tiftaħ opportunità biex tipperpetwa l-inugwaljanza. Hu temm jgħid li jirrikonoxxi li l-Unjoni Ewropea bħalissa qed taħdem fuq risposta fl-Ewropa kollha biex tgħin lil dawk affettwati jitgħallmu dwar l-istrutturi tal-pagi u b’hekk ikunu kapaċi jikkontestaw id-diskriminazzjoni.