“Żball żgħir m’għandux jinbidel f’attakki personali” – MPA

L-Assoċjazzjoni tal-Pulizija f’Malta (MPA) ikkundannat l-insulti fil-konfront tal-uffiċjal tal-pulizija li filmat tagħha tiżfen deher fuq TikTok. L-Assoċjazzjoni saħqet li żball żgħir m’għandux jinbidel f’attakki personali li jkissru persuna psikoloġikament.

Il-Korp tal-Pulizija beda proċeduri kontra kuntistabbli tal-Pulizija li filmat tagħha tiżfen waqt li liebsa l-uniformi tal-pulizija deher fuq l-app TikTok.

Nhar it-Tnejn li għadda, meta mijiet ta’ sapporters tat-tim Floriana FC marru fuq il-Fosos biex jiċċelebraw ir-rebħa tal-kampjonat, inħolqot meme li tiddieħak bin-nuqqas ta’ azzjoni min-naħa tal-pulizija għal din il-folla ta’ nies fi żmien il-pandemija tal-coronavirus. Il-meme inkludiet il-filmat tal-Kuntistabbli.

L-Assoċjazzjoni kitbet fuq Facebook li filwaqt li tisħaq fuq aktar dixxiplina fil-Korp tal-Pulizija, temmen li l-Kuntistabbli hija innoċenti. Stqarret li “temmen li ma għandux jingħata piż iżjed milli jistħoqqlu meta nikkunsidraw, mingħajr ma niġġustifikaw, li fl-imgħoddi kien hemm filmati ferm iżjed gravi maħluqa wkoll minn membri tal-Korp li kienu waqt il-ħin tax-xogħol tagħhom jew li b’xi mod irredikolaw l-uniformi tal-Korp tal-Pulizija.”

L-MPA temmet il-messaġġ tagħha billi appellat għall-prudenza u għar-rispett lejn din il-mara u familtha, filwaqt li wriet solidarjetà magħha.

Jumejn ilu, il-Pulizija ċaħdet li ordnat lil xi ħadd, ħlief lill-kuntistabbli inkwistjoni, biex jitneħħa filmat tagħha tiżfen mill-midja soċjali.