‘Żball tal-isptar wassal biex tlift posti fil-lista ta’ stennija għal operazzjoni’

Read in English.

Mara li tkellmet fuq Facebook irrakkuntat kif żball tal-isptar wassal biex hi tilfet postha fil-lista ta’ stennija għall-operazzjonijiet. Newsbook.com.mt tkellem mal-Kap Eżekuttiv tal-Isptar Mater Dei Ivan Falzon dwar il-proċess tal-operazzjonijiet fl-isptar. Falzon irrifjuta iżda li jikkumenta dwar il-każ inkwistjoni.

Il-mara rrakkuntat kif wara li għamlet sagħtejn tistenna wara l-bieb tat-teatru fejn isiru l-operazzjonijiet, ġiet infurmata li l-operazzjoni tagħha tħassret. Spjegat li qalulha li l-operazzjonijiet isiru biss sas-2pm u l-operazzjonijiet li kien hemm qabilha ħadu aktar ħin milli prevvist. Ġimgħa wara, il-mara rċeviet ittra tgħid li hi tneħħiet mil-lista ta’ stennija għall-operazzjoni għax irrifjutat li tagħmel l-operazzjoni. Hi rċeviet ittra oħra li titlobha tmur l-isptar għal appuntament fl-outpatients bħala follow-up għall-operazzjoni.

Falzon qal ma Newsbook.com.mt li l-operazzjonijiet fl-Isptar Mater Dei isiru 24 siegħa kuljum. Iżda ġeneralment operazzjonijiet bi skeda jsiru bejn it-8am u s-6pm. Sostna li meta persuna ssirilha posponiment, jiġi allokat l-ewwel post disponibbli għall-operazzjoni. Sostna li persuna titneħħa minn fuq ir-reġistru ta’ stennijja biss jekk tirrifjuta d-data tal-operazzjoni għal iżjed minn darba. Qal li hawnhekk il-persuna titneħħa minn fuq il-lista ta’ stennijja u tiġi referuta lit-tabib tagħha.

Mistoqsi jekk kienx hemm persuni li tneħħew minn fuq ir-reġistru għax l-operazzjoni tagħhom ġiet posposta min-naħa tal-isptar, Falzon wieġeb “le”.