Żball ta’ żewġ suldati ma jġorrx miegħu lill-armata kollha – il-President

OPR/FAM

Il-President George Vella qal li l-armata mhix persuna waħda u li “l-iżball” ta’ wieħed jew tnejn “kbir kemm hu kbir” ma jġorrx miegħu lill-armata kollha.

Vella qal dan waqt żjara li għamel lill-Forzi Armati ta’ Malta (AFM). Waqt iż-żjara għamel referenza għall-qtil ta’ Lassana Cisse Souleymane f’Ħal Far. Allegatament inqatel minn żewġ suldati tal-AFM li wieġbu mhux ħatja.

Vella esperima s-sodisfazjoni għax-xogħol li qed isir mill-armata fil-ħidma tagħha biex issalva lin-nies. Irringrazzjahom għas-sagrifiċċji li jagħmlu biex iġibu l-interess nazzjonali fuq quddiem nett.

Il-President qal li l-armata hija eżemplari għall-pajjiżi oħrajn fl-ambitu tan-numru kbir ta’ salvataġġi u l-għajnuna umanitarja fl-ibħra Maltin meta immigranti jsibu ruħhom bejn sema u ilma.

Il-ġimgħa li għaddiet, suldat ieħor tal-AFM ġie arrestat u mressaq il-Qorti. Din id-darba għal allegat teħid illeċitu ta’ fuel.