Żball ta’ negozjant ma jistax iwassal għal timbru negattiv fuq kulħadd – Abela

Miguela Xuereb

Read in English.

Allegat “żball” ta’ negozjant ma jista’ qatt iwassal għal timbru negattiv fuq industrija sħiħa, skont il-Prim Ministru Robert Abela.

Abela qal dan waqt laqgħa li kellu mal-Kamra għan-Negozji Żgħar u Medji fil-Furjana llum. Dan il-kliem kien b’referenza għal Yorgen Fenech, sid il-kumpanija 17 Black, li qed jiġi akkużat li kien kompliċi fl-assassinju tal-ġurnalista Daphne Caruana Galizia.

Il-President tal-Kamra (qabel magħrufa bħala l-GRTU) Paul Abela ddeskriva lil Fenech bħala kriminal u mhux negozjant, però ma semmiehx b’ismu. Abela qal li minħabba “dak li nqala'” in-negozjanti spiċċaw b’tiketta ħażina.

Paul Abela spjega li l-membri tagħhom ġejjin minn madwar 90 settur differenti. Tkellem dwar kif il-Kamra rnexxiela ġġib lura 90% tad-depożiti tal-membri tagħha li kellhom kont mas-Satabank.

Paul Abela jinsab konvint li bil-ħidma li beda Abela, wieħed isib tarf tas-sitwazzjoni f’Malta. Żied jgħid li s-sena 2018 kienet waħda tajba għan-negozju. Spjega li l-2019 kienet inqas tajba imma mhux ħażina. Qal ukoll li n-negozjanti qed iħarsu lejn l-2020 b’ottimiżmu.

Fi kliem Paul Abela, irid isir użu aħjar mill-fondi li jinġabru mill-community gain li jkun assoċjat ma’ applikazzjoni tal-iżvilupp. Dan favur is-sostenibilità.

Il-Prim Ministru qal li għadu kif iltaqa’ mal-Presidenti tal-Istituzzjonijiet Ewropej. Qal li diġà beda jasal messaġġ pożittiv minn Malta.

Skont Robert Abela, huwa d-dover ta’ gvern li jtejjeb il-kwalità tal-ħajja tan-nies.

B’reazzjoni għal dak li qal il-Prim Ministru fil-laqgħa li kellu l-Partit Nazzjonalista qal fi stqarrija li hu importanti li wieħed jinnota li ma jistax ikun hemm soluzzjoni għall-problema tal-inċertezza politika f’Malta, li qed tikkaġuna tnaqqis fin-negozju, jekk il-Gvern ma jaċettax li huwa s-sors ewlieni ta’ din l-inċertezza poltika u ekonomika.

Il-Malta Chamber of SMEs f’Diċembru qalet li l-instabbilità politika kellha impatt devastanti fuq in-negozji madwar il-gżejjer Maltin mhux biss fil-Belt Valletta. Fi stqarrija l-Malta Chamber of SMEs kienet appellat biex il-Prim Ministru Jospeh Muscat jirrezenja minnufih.