Żball f’sentenza ta’ qtil wassal biex tiġi nulla

L-Imħallef Consuelo Scerri Herrera annullat sentenza tal-Ewwel Qorti minħabba żball li kien hemm fis-sentenza wara li din ġiet appellata.

Fis-sentenza tagħha l-Qorti qalet qed tiddikjara s-sentenza bħala nulla minħabba l-fatt li fis-sentenza l-Ewwel Qorti għamlet konsiderazzjonijiet dwar l-akkużi miġjuba fil-konfront tal-akkużat, ta’ xiex kienet qed issib lill-akkużat ħati u ta’ xiex ma kinitx, madankollu naqset milli tiddikjara ta’ liema akkużi kienet qiegħda ssib ħtija iżda minflok semmiet l-artikli mil-liġi li fuqhom qed issib il-ħtija tal-akkużat.

Mel Spiteri kien instab ħati li fis-26 ta’ Ġunju 2011 tajjar persuna f’Buġibba, San Pawl il-Baħar waqt li kienet qed taqsam it-triq. Il-mara li dak iż-żmien kellha 77 sena kienet ta’ nazzjonalità barranija.  Spietri kien instab ħati u ġie kkundannat sentejn ħabs u multa ta’ €2,300 kif ukoll il-liċenzja sospiża għal sena. Huwa kien appella mis-sentenza fejn sostna li l-vittma kellha parti mit-tort għax ma qasmitx minn fuq iz-zebra crossing li kien hemm madwar 40 metru ‘l bogħod.

Wara li rat s-sentenza tal-Ewwel Qorti, l-Imħallef Consuelo Scerri Herrera rrimarkat li ma kienx hemm l-artikli tal-liġi li fuqhom instabet ħtija għalhekk hija ordnat li l-kawża għandha tiġi dikjarata nulla u tiġi deċiża mill-ġdid quddiem il-Qorti Kriminali.