Żbaljat il-Ministru li ma keċċitux lil Mark Camilleri

Jekk tgħajjar lil Merkel titkeċċa; jekk tidgħi b’Alla tibqa’

Mark-Camilleri
Ritratt: Miguela Xuereb

Il-Ministru Justyne Caruana bdiet ħażin ħafna bħala Ministru tal-Edukazzjoni. L-ewwel għamlet deċiżjoni tajba li talbet lis-Segretarju Permanenti jitlob lil Mark Camilleri jirreżenja minn Chairman Eżekuttiv tal-Kunsill Nazzjonali tal-Ktieb. Imbagħad l-għada, jew daqqet l-irtirata jew kienet imġiegħla ddoqq l-irtirata.

Qallha ‘sorry’ u ħafritlu, jew kienet imġiegħla taħfirlu. Dalgħodu l-Ministru, Camilleri u s-Segretarju Permanenti dehru flimkien  u bħal tal-ħrafa donnhom iridu jgħixu ‘happily ever after’. Buffunata first class. Kemm Camilleri hu ‘sorry’ tista’ tinduna maljar jekk tisimgħu jitkellem dwar li għamel. Għalih, hu sempliċiment ‘uża ċertu vokabularju’.

Dagħwa b’Alla mhix ‘ċertu vokabularju’

Mhu veru xejn: Sur Camilleri, mhu veru xejn li inti użajt ‘ċertu vokabularju’.  Inti dgħajt b’Alla u d-dagħwa ktibtha.

Ħafna żelqu fin-niexef.

Repubblika, pereżempju, kitbu li “il-Gvern qed jgħid li keċċa lil Mark Camilleri għax il-fatt li qal ‘sorm’ jagħmlu persuna li mhix ta’ eżempju tajjeb”.

Għandi nifhem li Repubblika jafu li dak li qed jiktbu faċli jiġi nterpretat li mhux qed jiktbu l-verità. Kieku Mark Camilleri kiteb ‘sorm’ jew uża l-verżjoni Semitika ta’ kliem ieħor għall-partijiet oħra tal-ġisem, kieku tgħaddi. Camilleri bil-kitba tiegħu kellem lin-nies ħażin. Imma, għall-grazzja tal-argument, ejjew ngħidu wkoll li f’dan il-pajjiż li dejjem qed isir aktar dekadenti ma jimpurtax illi tkellem ħażin lin-nies. Dato non concesso, jgħidu t-Taljani.

Camilleri mhux kliem ħażin kiteb. Camilleri kiteb dagħwa b’Alla l-Imbierek. Veru li dan il-Gvern għamel liġi biex kulħadd jista’ jidgħi kemm irid u qisu xejn mhu xejn. Iżda għandna naċċettaw din id-dekadenza? Id-dagħa b’Alla issa se jsir in-norma tad-diskors pubbliku mill-uffiċjali pubbliċi?

Meta ambaxxatur kiteb jgħajjar lil Merkel, Repubblika talbu li jitkeċċa. Meta Camilleri dagħa b’Alla Repubblika għalqu għajnejhom għad-dagħwa u qalu biss li kiteb ‘sorm.’

Le, le qegħdin sew.

Deċiżjoni li wriet ipokrezija

Fejn Repubblika għandhom raġun hu meta jgħidu li d-deċiżjoni wriet ipokrezija min-naħa tal-Gvern. Dan il-Gvern ħalla uffiċjali pubbliċi jagħmlu abbużi koroh. Ħallihom jheddu, jgħajru u jkunu korrotti.

Fid-dawl ta’ din il-prassi tal-Gvern jien ma għandi l-ebda dubju li Camilleri kien se jitkeċċa mhux għax tkellem ħażin jew għax dagħa iżda għax attakka lill-Gvern, għax irid iwaqqaf l-inkjesta pubblika fil-każ tal-assassinju ta’ Daphne Caruana Galizia. Irid ikollok disa’ swaba’ minn għaxra f’ħalqek biex taħseb mod ieħor.

Imma għax wieħed jitkellem favur l-inkjesta pubblika ma jfissirx li għandna nagħlqu għajnejna għad-dagħa mill-uffiċjali pubbliċi. Is-soluzzjoni ma kinitx li tiddefendi lil Camileri, iżda li tintwera l-ipokrezija grassa tal-Gvern, jingħad li Camilleri għandu jitkeċċa u li għandhom jitkeċċew ukoll il-ħafna li jitħallsu mill-Gvern u jġibu ruħhom b’mod oxxen.

Il-Gvern poġġa lilu nnifsu f’sitwazzjoni fejn jagħmel x’jagħmel jitlef. Imma dak tort tiegħu.

U tal-aħħar…

Aqtgħuha li toqogħdu tgħajru lill-Ministru minħabba li għamel ir-raġel tagħha. X’kienet taf jew ma tafx il-Ministru jien ma nafx, u lanqas jafu dawk li qed ipeċilqu.