Filmat: Żaren tal-Ajkla jkanta l-innu u l-istudenti universitarji jċapċpu

L-għaqda studenteska SDM organizzat dibattitu bejn tliet kandidati indipendenti fil-kampus tal-Università.

Spikka fuq l-oħrajn il-kandidat Zaren Bonnici, mill-partit tal-Ajkla, li kien milquh b’għajjat u ċapċip mill-istudenti li nġabru fil-bitħa prinċipali tal-Università. ‘Zaren tal-Ajkla’ kompla jħeġġeġ lill-istudenti jagħmlu briju meta kanta l-innu tal-partit irrappreżentat biss minnu. Fost oħrajn wiegħed pannelli tax-xemx b’xejn, power station li taħdem bl-ilma baħar, u edukazzjoni f’Għawdex stess għall-istudenti Għawdxin. Ħeġġeġ liż-żgħażagħ jattendu meeting tal-massa għada fil-Birgu.

John Zammit mill-Alleanza Liberali ddeskriva lilu nnifsu bħala l-iktar persuna antiklerikali f’Malta. Qal li partiti Liberali huma popolari ferm madwar l-Ewropa, u qal li hu stess għandu kuntatti ma’ politiċi barranin.

Il-kandidat konservattiv Tonio Mercieca qal li għalkemm iż-żgħażagħ qed isiru aktar liberali, hemm bżonn li min hu konservattiv ikollu vuċi wkoll. Tkellem dwar il-problema ta’ parkeġġ u s-sistema hażina ta’ trasport pubbliku. Irrefera għall-esperjenza kbira tiegħu fis-settur tal-bini u qal li għandu ħafna ħbieb kuntratturi, li se jgħinuh jibni carpark. Żied jgħid li l-pajjiż ma jiflaħx għall-istipendji tal-istudenti. Qal għalhekk li hemm bżonn li l-istudenti jisselfu l-flus b’rata baxxa u jħallu lill-Gvern anke sentejn wara.