Tony Zarb jirtira minn Facebook wara kritika qawwija

Il-konsulent tal-Gvern, Tony Zarb ħabbar li se jirtira mill-kitbiet tiegħu fuq Facebook wara li l-bieraħ sejjaħ tradituri u prostituti lin-nisa li kkampjaw barra Kastilja, fejn talbu li jitneħħew il-Kummissarju tal-Pulizija u l-Avukat Ġenerali.
Qal li se jieqaf jikteb fuq Facebook b’rispett lejn il-familja tiegħu li tant iħobb. Qal li mhux ġust li l-familja tiegħu tiġi attakkata bl-aktar mod goff. 

Aktar Kmieni:
Tony Zarb, eks-Segretarju tal-GWU, attakka bl-aktar mod baxx lill-grupp ta’ nisa li qed jipprotestaw quddiem Kastilja għal futur aħjar għal uliedhom. Huwa qalilhom li posthom mhux Kastilja iżda Strada Stretta, post li kien magħruf għall-prostituzzjoni.
Il-grupp ta’ nisa qed jagħmel il-protesta b’solidarjetà ma’ Daphne Caruana Galizia, il-ġurnalista li ġiet assassinata minħabba l-ħidma ġurnalistika tagħha. Huma qed jitolbu li ssir ġustizzja.
Fil-post tiegħu fuq Facebook, miktub b’Malti kollu żbalji, Zarb qal li dawn in-nisa posthom Strada Stretta “ghax hemm ikun hemm hafna xi sahhnu.”
Huwa għajjar lil dawn in-nisa “qatta Tradituri” u li jifformaw “parti min corma Assassini”.
Temm il-post tiegħu jgħid li hu persważ li jekk iħossu l-kesħa fi Pjazza Kastilja se jsibu min isaħħanhom.
Sadanittant, in-nisa li qed jorganizzaw dan l-avveniment qalu fi stqarrija li bi kliemu Zarb iqawwi l-fehma tagħhom biex in-nisa jkunu aktar voċiferi fis-soċjetà.
Ikkwotaw dak li kienet qalet darba Daphne Caruana Galizia, li meta l-irġiel iġossuhom ikkonfrontati minn nisa b’saħħithom, imorru jiktbu fuq Facebook dwar is-sħaħar u kif se jiġu kkontrollati.
Huma kkundannaw il-kummenti ta’ Zarb.
Sadanittant ħafna kienu l-kummenti favur u kontra dan il-post fuq il-paġna ta’ Zarb, u għal dan ftit tal-ħin wara rrisponda li d-dritt tal-espressjoni huwa għal kulħadd, u min qed jibki għal dak li qal hu ipokrita għax jaħseb li d-dritt tal-espressjoni hu tiegħu biss.
Mill-bieraħ ’l hawn, Zarb neħħa dan il-post mill-paġna tiegħu, u aktar kmieni dalgħodu kiteb li għamel hekk wara parir li ngħata minn persuna li jammira ħafna, u skuża ruħu ma’ dawk li sejħilhom “nisa ġenwini”.
Filwaqt li qal li hekk titlob l-irġulija, temm jikteb “Viva Malta li tant inħobb”.
Kumbinazzjoni l-kumment ta' Tony Zarb ħabat mas-70 sena anniversarju mindu n-nisa ngħataw id-dritt tal-vot f'Malta.
Din mhux l-ewwel darba li Zarb għajjar tradituri lil nies li b’xi mod jew ieħor ikkritikaw lill-Gvern.
F’Ġunju ta’ din is-sena kien infexx fuq attakk feroċi kontra Roberta Metsola u David Casa minħabba l-ħidma tagħhom fil-Parlament Ewropew. Huwa kien talab lin-nies biex imorru l-ajruport biex jagħtuhom laqgħa ta’ tradituri.
Fl-istess xahar Zarb imbagħad attakka bil-qawwi lill-Arċisqof ta’ Malta li tkellem kontra diskors li jnissel mibgħeda.
Facebook kien imbagħad għalaq għal xi ħin il-paġna ta’ Facebook ta’ Zarb minħabba li l-kitba tiegħu kienet tqieset minn ħafna bħala kitba li tnissel mibgħeda.