Il-Gvern b’verżjoni differenti dwar Zammit Tabona milli qal fil-PQ

Aġġornat 10:22 PM

Kelliem għall-Ministeru għall-Affarijiet Barranin qal li Michael Zammit Tabona mhux parti mill-korp diplomatiku Malti. Dan minkejja li isem l-eks ambaxxatur għall-Finlandja Zammit Tabona kien imniżżel fil-lista ta’ ambaxxaturi f’mistoqsija parlamentari (PQ) li twieġbet illum.

Waqt li mistoqsija parlamentari ppreżentata llum mill-Ministru Evarist Bartolo tgħid li Zammit Tabona mistenni jinħatar Ambaxxatur għall-Estonja, il-kelliem qal li dik l-informazzjoni mhix korretta.

Zammit Tabona rriżenja wara l-inċident diplomatiku bejn Malta u l-Ġermanja.

Il-Kelliem għall-Ministeru qal ukoll li Zammit Tabona kien Ambaxxatur tal-Finlandja u tal-Estonja u meta rriżenja, irriżenja minn kollox u mhux se jkollu l-ebda kariga fil-korp diplomatiku.

3 ijiem ilu l-Gvern ħabbar li Zammit Tabona rriżenja minn Ambaxxatur mhux residenti għall-Finlandja. Fl-ebda ħin ma ssemma li Zammit Tabona rriżenja minn Ambaxxatur fl-Estonja.

Skont lista ppubblikat għall-mistoqsija parlamentari tad-deputat Nazzjonalista Carmelo Mifsud Bonniċi mill-Ministru Bartolo, Zammit Tabona qed jistenna li jinħatar Ambaxxatur għall-Estonja.

Fost ċaqlieq ieħor fil-korp diplomatiku, Marlene Bonniċi li temmet ix-xogħol tagħha bħala Rappreżentanta Permanenti ta’ Malta għall-Unjoni Ewropea f’Marzu li għadda, se tinħatar ambaxxatur għall-Ġermanja. 

Carmel Vassallo se jieħu post l-eks Membru Parlamentari Laburista Joseph Cuschieri bħala Ambaxxatur għall-Italja.

Il-kap tar-rappreżentanza Maltija fil-Palestina Reuben Gauci se jinħatar ambaxxatur għall-Indja.