Zammit Lewis jisħaq fuq bżonn ta’ qafas legali komuni fl-UE kontra l-abbuż tat-tfal

Il-Ministru għall-Ġustizzja Edward Zammit Lewis saħaq fuq il-bżonn li l-Unjoni Ewropea tħaddan qafas legali komuni sabiex tiġġieled il-pjaga tal-abbuż tat-tfal f’kunsill ministerjali informali organizzat mill-Presidenza Ġermaniża tal-Kunsill Ewropew.

Id-diskussjoni ffukat fuq numru ta’ temi, inkluż l-aċċess għall-ġustizzja , it-twaqqif tal-Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku Ewropew (EPPO), l-istrateġija tal-Unjoni Ewropea biex tiġġieled l-abbuż sesswali tat-tfal, l-evidenza elettronika u d-drittijiet fundamentali tal-bniedem.

Fil-kontribut tiegħu għad-diskussjoni dwar l-istrateġija kontra l-abbuż sesswali tat-tfal, Zammit Lewis fakkar li s-soċjetà tal-lum tesponi lit-tfal għal materjal online, u li dan joħloq il-bżonn li jiġu protetti t-tfal u l-innoċenza tagħhom. Qal li ma kienx hemm lok għal atti kriminali ta’ kwalunkwe tip, speċjalment fejn it-tfal huma l-vittmi tar-reta.

“Is-sigurtà taċ-ċittadini tagħna u ta’ uliedna hija ta’ importanza kbira u b’hekk qafas komuni li jipproteġi lill-ġenerazzjonijiet futuri tagħna hu xi ħaġa li Malta tappoġġa. Il-koperazzjoni internazzjonali, Ewropea u l-koperazzjoni komuni hija xi ħaġa li Malta tappoġġa. Dan għandu jsir permezz ta’ sistema ta’ rappurtaġġ permezz ta’ Internet Service Providers (ISPs),” tenna Zammit Lewis.