Zammit Lewis jikkonferma taħdidiet ġodda dwar l-AirMalta

Il-Ministru għat-Turiżmu Edward Zammit Lewis ikkonferma fil-Parlament li l-Gvern jinsab f’diskussjonijiet ma’ linji tal-ajru oħra dwar possibbiltà ta’ sħubija strateġika għall-AirMalta.
Huwa kien qed jitkellem fi stqarrija ministerjali fid-dawl tal-aħbar, mogħtija nhar il-ġimgħa li għaddiet, li twaqqfu n-negozjati mal-Alitalia.
Zammit Lewis sostna li għadu kmieni biex jagħti dettalji dwar dawn in-negozjati u kif ikun hemm xi ħaġa konkreta jagħtiha. Saħaq li l-Gvern jrid iwelled l-AirMalta mill-ġdid u saħaq li l-Gvern jrid li l-brand tal-AirMalta tibqa’ u l-Gvern iżomm kontroll ta’ din il-linja tal-ajru. Qal li l-ħtieġa ta’ sieħeb strateġiku hi motivata mill-fatt li l-AirMalta qed tiffaċċja sfidi li ma tistax tiffaċċhom waħidha, u l-gvern qed ifittex sieħeb b’netwerk estensiv li jagħtiha economies of scale dwar loġistika u xiriu li jikkommetti għall-viżjoni li twassal għall-espansjoni tal-flotta biex il-linja tirreġistra tkabbir. Saħaq li l-Gvern dejjem fittex l-interess tal-AirMalta u tas-Settur turistiku u wera ottimiżmu li l-linja tal-ajru terġa’ tagħmel il-qliegħ. Sostna li l-Gvern preċedenti ma kellux pjan strateġiku għal x’kellu jiġri wara li jiskadi l-ftehim mal-Kummissjoni Ewropea dwar il-pjan ta’ ristrutturar.
Id-Deputat Nazzjonalista Robert Arrigo staqsa x’jiġifieri li l-Gvern irid iwelled l-AirMalta mill-ġdid. Staqsa jekk iridx ifalliha? U jekk dan hu l-każ minn se jkun il-qabla biex iwellidha! Dan hekk kif kelliema għall-Oppożizzjoni kkritikaw il-fatt li nofs l-istqarrija ministerjali kienet iddedikata għall-kritika ta’ amministrazzjonijiet preċedenti u tennew impenn għal atteġġjament proattiv waqt li tennew il-proposta tal-Oppożizzjoni dwar involviment ta’ investituri lokali fil-linja tal-ajru. Id-Deputat Nazzjonalista Claudio Grech staqsa jekk il-Gvern hux qed jivvantaġġja linji tal-ajru oħra hekk kif allega li t-terminal charges mħallsa mill-AirMalta żdiedu b’żewġ miljuni fl-aħħar xhur. Staqsa x’inhi l-qagħda finanzjarja tal-AirMalta u meta se jiġu ppubblikati l-financial statements għas-sena li ntemmet f’Marzu 2015. Staqsa wkoll x’kien l-eżitu tal-pjan tar-ristrutturar u r-reazzjoni tal-Kummissjoni Ewropea għat-tmiem tan-negozjati mal-Alitalia.
Fi tweġiba Zammit Lewis qal li l-pjan tar-ristrutturar ma wassalx għal vijabilità tal-AirMalta. Dan minkejja li ħafna mill-objettivi prinċipali ntlaħqu, u li t-telf naqas sena wara l-oħra. Sostna li l-qagħda finanzjarja tal-AirMalta hi waħda stabbli. Qal li s-settur tal-avjazzjoni baqa’ jinbidel u numru ta’ linji tal-ajru daħlu jikkompetu mal-AirMalta fuq rotot strateġiċi li kienu qed iħallu profitt. Qal li l-kwistjoni tal-Libja tellfet lil AirMalta madwar €10 miljuni. Ikkonferma li t-terminal charges jiżvantaġġjaw lill-AirMalta skont regoli tal-Unjoni Ewropea li jiżvantaġġjaw lil min ikollu hub f’ajruport. Saħaq li l-Gvern qatt ma eskluda investiment lokali, iżda xorta jeħtieġ sieħeb strateġiku.