Azzopardi jgħid li hemm xhieda li raw lil mart Yorgen Fenech iżżur lill-Ministru f’daru

Aġġornat 10:29 AM

Read in English.

Id-deputat Nazzjonalista Jason Azzopardi qed jibqa’ jinsisti li l-versjoni li ta dwar il-karozza ta’ Marlene Fenech, mart Yorgen Fenech kienet versjoni fattwali dwar dak li seħħ fl-għodwa tal-25 ta’ Frar.

Fuq Facebook, Azzopardi qal “tistgħu mhux tiċħdu u tigbdu biex tiċħdu għax il-verità hi waħda.”
“Infakkru ftit iktar lill-ministru, is-Sinjura kienet liebsa flokk u skipants suwed,” kompla jikteb Azzopardi.


“Bilħaqq, mela t-tabib mhux Dr Adrian Vella minn San Pawl il-Baħar?” staqsa Azzopardi

Il-Ministru għall-Ġustizzja Edward Zammit Lews ċaħad kategorikament li mart Yorgen Fenech, li hu suspettat fl-assassinju tal-ġurnalista Daphne Caruana Galizia, marret id-dar tiegħu fi Frar.

Fuq Facebook, il-kelliem tal-Oppożizzjoni għall-Ġustizzja Jason Azzopardi tella’ ritratt ta’ karozza li qal li hi ta’ Marlene Fenech, mart Yorgen Fenech. Azzopardi qal li r-ritratt ittieħed fil-25 ta’ Frar li għadda bejn is-7.30am u l-8.27am. Huwa spjega kif il-karozza kienet ġiet ipparkjata quddiem il-Knisja ta’ Ħal Lija.

Marlene Fenech allegatament ħarġet mill-vettura u mxiet lejn ir-residenza ta’ Zammit Lewis, li dak iż-żmien kien diġa’ Ministru għall-Ġustizzja hekk kif Fenech kien għadu qed jinżamm taħt arrest preventiv sa mit-30 ta’ Novembru.

Fi stqarrija Zammit Lewis ċaħad din l-allegazzjoni u qal li hi kompletament falza u li l-istqarrija ta’ Azzopardi “tingħaqad ma’ sensiela ta’ stqarrijiet foloz li kulħadd issa dera mingħand dan id-deputat”

Il-Ministru qal li l-ebda attakk sistematiku fuq il-personalità u l-karattru tiegħu mhu se jxekkluh milli jkompli jaqdi d-dmirijiet ministerjali tiegħu.

Newsbook.com.mt bagħat mistoqsijiet lil Ministru dwar jekk qattx laqa’ familjari ta’ Yorgen Fenech fir-residenza privata tiegħu.

Kelliem għall-Ministeru bgħat risposta bi stqarrija f’isem il-Ministru Zammit Lewis tgħid li ‘Il-Ministru jinsisti li din l-allegazzjoni hi totalment falza.”

Il-Ministru tal-Ġustizzja Edward Zammit Lewis kien mistoqsi jekk jikkonfermax jew jiċħadx dawn l-istqarrijiet:

  1. Jekk il-mara ta’ Yorgen Fenech, Marlene fenech qattx marret id-dar tiegħu qabel it-30 ta’ Novembru 2019.
  2. Jekk Marlene Fenech, il-mara ta’ Yorgen Fenech, qattx marret id-dar tiegħu wara li sar Ministru tal-Ġustizzja u jew wara t-30 ta’ Novembru 2019.

Huwa kien mistoqsi wkoll biex jiċċara r-relazzjoni tiegħu jew tal-mara tiegħu ma’ Marlene Fenech jew Yorgen Fenech.

Il-kelliema għall-Ministeru tal-Ġustizzja qalet li l-Ministru diġà għamel il-pożizzjoni tiegħu ċara permezz ta’ stqarrija u żiedet li l-ġurnaliżmu serju għandu jsaqsi l-mistoqsijiet lil Jason Azzopardi li ħareġ din il-gidba.

Din il-kamra tal-kamra tal-aħbarijiet qed tippubblika t-tweġiba tal-Ministru għall-mistoqsijiet sabiex tiċċara s-sitwazzjoni fid-dawl ta’ dak li żvela l-ġurnal the Times of Malta li bejn Jannar 2019 u Ottubru 2019, kien hemm madwar 700 messaġġ fuq WhatsApp bejn Yorgen Fenech u Edward Zammit Lewis.

Il-messaġġi ta’ WhatsApp ttieħdu mill-mobile ta’ Fenech mill-Europol wara l-arrest ta’ Fenech f’Novembru 2019. L-esperti huma mistennija li jixhdu fil-Qorti f’Ottubru li ġej.

Il-Ministeru qal lil din il-kamra tal-aħbarijiet biex tara l-istqarrija li saret minn Marlene Fenech u li kienet ippubblikata minn Lovin Malta. Din il-kamra tal-aħbarijiet kisbet l-istqarrija ta’ Marlene Fenech b’mod indipenedenti.

Il-Ministru Zammit Lewis temm jgħid li se jkompli  jaħdem fuq riformi storiċi u bla preċedent hekk kif maqbula mal-Kummissjoni Venezja, bil-għan aħħari li jkomplu jissaħħu s-saltna tad-dritt u l-governanza tajba f’pajjiżna.

Kien jum it-Tlieta. Il-25 ta’ Frar 2020. Il-hin: bejn 7.30am u 8.27am. Din il-vettura thalliet minn sidha quddiem…

Posted by Jason Azzopardi on Friday, September 11, 2020