Zammit ikompli jiddomina fil-klassifika autocross

Nhar il-Ħadd li ġej l-Assoċjazzjoni Sport Muturi u Karozzi (ASMK) se tkompli bil-ħdax-il attività fil-programm mill-Kampjonat ASMK 2013/14.
Se jkun hemm tiġrijiet tal-Karozzi Autocross fil-Kumpless Sportiv ASMK f’Ta’Qali, bl-ewwel tiġrija tibda f’nofsinhar.
Ħarsa lejn il-klassifika preżenti naraw lil Melo Zammit fuq Ford Escort Mk3 għadu jiddefendi postu u dan minkejja li fl-aħħar attività ma kkawlifikax għall-finali A u spiċċa jsuq fil-finali Klassi B.
Din żammietu milli jkompli javvanza fil-klassi u fil-klassifika ġenerali pero xorta baqa’ jiddefendi l-ewwel pożizzjoni b’vantaġġ sostanzjali.
Zammit għandu 162 punt, segwit minn Christian Mark Galea fuq Fiat Ritmo b’133 punt fit-tieni post.
Fit-tielet pożizjoni nsibu taqtigħa bejn Gordon Johnson fuq Peugeot 205 u Vince Farrugia fuq Volkswagen Polo li t-tnejn għandhom 130 punt.
Josef Grech fuq Ford Fiesta li minkejja jinsab fil-ħames pożizjoni b’126 punt xorta għandu ċ-ċans ma Galea, Johnson u Farrugia li jkompli javanza għax id-differenza bejn dawn il-ħames sewwieqa hija minima.
Għalhekk nhar il-Ħadd l-attenzzjoni se tkompli tkun fuq dawn l-erba’ kompetituri u min minnhom se jirnexxilu javanza postu.
Fis-Sezzjoni Gozo Autocross għadna qed insibu lil Domnic Zammit fuq Alfa Sud f’ras il-klassifika, segwit minn Joseph Vella u Joseph Agius it-tnejn fuq Ford Fiesta.
Fir-raba’ post insibu lil Marvin Grima fuq Opel Corsa.
Fis-Sezzjoni Autocross Klassi A insibu lil Melo Zammit fuq Ford Escort segwit minn Christian Galea fuq Fiat Ritmo, fit-tielet post Manuel Muscat fuq Opel Corsa u fir-raba’ post Josef Grech fuq Ford Fiesta.
Fi Klassi B insibu lil Andrew Pisani fuq Vauxhall Nova segwit minn Philip Joe Vella fuq Vauxhall Nova oħra.
Fit-tielet post insibu lil Vince Farrugia fuq Volkswagen Polo flimkien miegħu Kurt Sammut fuq Ford Ka bl-istess punteġġ.
Fir-raba’ post insibu lill Josef Grech fuq Ford Fiesta.
Intant nhar is-Sibt li ġej, lejliet it-tiġrija, mis-2:00pm ‘il quddiem l-Assoċjazzjoni se torganizza sezzjoni ta’ taħriġ bil-Karozzi Autocross.
Id-dħul ikun bla ħlas.