Zammit Dimech se jikkontesta għal Segretarju Ġenerali tal-PN

Sorsi jgħidu li Zammit Dimech diġà beda l-kampanja tiegħu

Read in English.

Francis Zammit Dimech se jikkontesta għall-kariga ta’ Segretarju Ġenerali tal-Partit Nazzjonalista, skont sorsi.

Sorsi fi ħdan il-PN qalu lil Newsbook.com.mt li Zammit Dimech diġà beda jikkampanja għal din il-kariga. Kellu wkoll laqgħat mal-Kumitati Sezzjonali.

Clyde Puli rreżenja mill-kariga tiegħu bħala Segretarju Ġenerali tal-PN il-Ġimgħa l-oħra. It-terminu ta’ Puli kellu jiskadi f’Novembru tal-2019. Però ngħata estenzjoni sa Marzu. Puli spjega li ħalla l-possibilitajiet kollha miftuħa però qal li wasal iż-żmien li jiffoka aktar fuq id-distrett elettorali tiegħu.

Fi kliem Puli, ir-reżenja tiegħu “tagħti l-libertà kollha” lill-PN biex jgħażlu l-aħjar persuna biex tkun is-Segretarju Ġenerali li jmiss.

Alex Perici Calascione, il-President tal-Kunsill Eżekuttiv tal-Partit Nazzjonalista, qal li fil-laqgħa tal-lejla se jiġu diskussi biss il-karigi vakanti, u l-ebda kariga oħra, li huma fid-diskrezzjoni tal-Kunsill Eżekuttiv. Dan il-kumment għaddieh waqt kollegament li għamel fuq il-programm Newsbook Hour fuq 103, ippreżentat minn Jesmond Saliba.

Il-President tal-Eżekuttiv fisser li fuq l-aġenda tal-laqgħa tal-Eżekuttiv li bidet fis-6pm hemm il-karigi vakanti ta’ Segretarju Ġenerali, President tal-Kunsill Eżekuttiv, President tal-Kunsill Amministrattiv, Teżorier u Segretarju Internazzjonali.

Il-MP tal-PN Jason Azzopardi laqqat tgħajjir u insulti meta kien qiegħed fid-Dar Ċentrali llum.