Zammit Dimech jista’ jirbaħ l-MEP tas-sena

European Union, 2018

L-MEP Francis Zammit Dimech huwa fost tliet MEPs magħżula biex possibilment jirbaħ il-premju prestiġjuż tal-MEP tas-sena għall-ħidma tiegħu fl-oqsma tal-kultura, l-edukazzjoni u l-midja.

F’kummenti ma’ Newsbook.com.mt, Zammit Dimech qal li sa mill-bidu tal-mandat tiegħu, dejjem sema’ lin-nies u ħadem biex jindirizza l-isfidi tagħhom.

Iċ-ċeremonja tal-għoti tal-premijiet se ssir fl-20 ta’ Marzu. L-MEP Francis Zammit Dimech se jkun qed jerġa’ jikkontesta l-elezzjoni tal-Parlament Ewropew ta’ Mejju 2019.

Zammit Dimech, li ilu Membru tal-Parlament Ewropew minn Ġunju 2017, kien fdat mill-Grupp tal-Partit Popolari Ewropew biex iservi bħala rapporteur dwar l-Aġenda Ewropea Kulturali Ġdida. Hu ħadem għal iktar fondi Ewropej għal festivals u biex il-programmi ta’ ffinanzjar ikunu aċċessibbli iktar għal għaqdiet żgħar bl-iskop li jkun preservat il-patrimonju Ewropew u jitqanqal iktar is-sens ta’ diversita’ kulturali.

Aġenda Ewropea Ġdida għall-Kultura f’idejn Zammit Dimech

Fejn tidħol l-edukazzjoni, Zammit Dimech sejjaħ għall-immodernizzar tas-sistema edukattiva b’numru ta’ proposti – fosthom l-introduzzjoni ta’ elementi viżwali fil-kurrikulu, b’twemmin sħiħ li hu essenzjali li s-soċjetà tirkeb fuq l-avvanzi u t-tibdiliet li qed iseħħu fis-seklu 21. L-MEP Malti mexxa wkoll ‘il quddiem ħidma biex lingwi żgħar, bħall-Malti, jkunu disponibbli aktar fuq pjattaformi u sistemi online.

“Il-flus għall-Erasmus għandhom jittriplaw”

Zammit Dimech li hu eks-Ministru tal-Komunikazzjoni u preżentament lettur tal-Liġi dwar il-Media Ewropea, ħadem biex jissalvagwardja l-libertà tal-media, għax jemmen li din hi kruċjali biex iċ-ċittadini Ewropej ma jkunux imċaħħda mill-informazzjoni li għandhom dritt ikunu jafu.

L-‘MEP Awards’ jirrikonoxxu l-ħidma sfieqa ta’ membri tal-Parlament Ewropew filwaqt li jiċċelebraw il-kisbiet tagħhom f’diversi setturi. Dawn ir-rikonoxximenti kienu bdew bl-iskop li jagħtu rikonoxximent lil deputati li jkunu kkontribwew sostanzjalment permezz tal-attivitajiet Parlamentari tagħhom.