FZD jinħatar rapporteur favur trasparenza onlajn

Il-Membru Parlamentari Ewropew Francis Zammit Dimech inħatar Rapporteur fil-Kumitat fuq l-Affarijiet Legali dwar regola proposta li tippromwovi t-trasparenza fl-użu onlajn tan-negozjanti.

Din il-proposta tfittex li jkun hemm ambitu onlajn ġust għan-negozji ż-żgħar.

Pjattaformi u tiftix onlajn hu kruċjali għal dawn in-negozji ż-żgħar sabiex ikabbru l-udjenzi tagħhom. Il-liġijiet l-ġodda se jibbenefikaw minnhom il-lukandi, żviluppaturi tal-apps, uħud li jbigħu materjal onlajn, eċċ.

Il-konsumaturi, imbagħad, ikollhom iċ-ċans jagħżlu l-aqwa għażla offruta lilhom, anke għażla li tirrifletti l-baġit tagħhom.

Zammit Dimech qal li jeħtieġ li jkun hemm ċertezza legali għal ambjent ta’ negozju sostenibbli onlajn. Liġijiet ġodda jistgħu jkunu ta’ benefiċċju kemm għan-negozjanti, u anke għall-konsumaturi, li jkunu jistgħu jsibu l-iżjed ħaġa li taqblilhom.

Dawn il-liġijiet il-ġodda jagħtu aktar sigurtà lin-negozji, u jippromwovu fiduċja fl-ambjent onlajn tal-UE.

Fil-ġimgħat li ġejjin, Zammit Dimech se jiltaqa’ ma’ numru ta’ negozji involuti u rappreżentanti tas-settur tal-ivvjaġġar onlajn, bħal Booking.com u Tripadvisor.

Fit-3 ta’ Settembru fl-10am, l-Ewroparlamentari se jorganizza laqgħa mal-imsieħba Maltin f’Dar l-Ewropa. Dawk interessati huma mħeġġa jikkonfermaw l-attendenza tagħhom fuq: info@franciszammitdimech.eu jew 27112002.