Zammit Dimech jiddiskuti liġi dwar il-whistleblowers ma’ Transparency International

Il-Membru Parlamentari Ewropew Francis Zammit Dimech qal li l-protezzjoni għall-whistleblowers trid tkun ugwali fl-Unjoni Ewropea kollha.
Saħaq li “aktar minn hekk, irridu nirrikonoxxu li meta niġu biex niproteġu l-whistleblowers, hemm bżonn ta’ awtoritajiet li jkunu indipendenti mill-Gvernijiet rispettivi.”
F’laqgħa li kellu ma’ Nicholas Aiossa minn Transparency International fi Brussell, Zammit Dimech iddiskussa liġi dwar il-whistleblowers.
Zammit Dimech qal li “ma jistax ikollna sitwazzjoni, bħall-każ f’Malta, fejn whistleblower ikun protett u jingħata kuntratti tajbin mill-Gvern jekk jikxef affarijiet li jkunu sbieħ għall-Gvern, imma minn naħa l-oħra, meta whistleblower ikun irid jesponi każijiet serji ta’ ħasil ta’ flus u korruzzjoni li jinvolvu nies viċin il-Gvern, dak il-whistleblower mhux biss ma jingħatax il-protezzjoni.”
Żied jgħid li wieħed irid japprezza l-ħidma mill-qrib bejn whistleblowers u ġurnalisti investigattivi.
Dwar il-bank Pilatus, Zammit Dimech qal li Transparency International għandha tanalizza mill-qrib din is-sistwazzjoni u kull żvilupp li jista’ jseħħ. Sostna dan anki fid-dawl ta’ rapporti li dan il-bank qed ifittex li jieħu lura l-kontroll f’Malta
Waqt il-laqgħa, l-Ewroparlamentari Zammit Dimech ġie ppreżentat b’rapport “Gwida tal-aqwa prattiċi għal-leġiżlazzjoni dwar whistleblowers” li sar minn Transparency International.
Ix-xahar li għadda, l-Kummissjoni Ewropea pproponiet liġi ġdida li ssaħħaħ il-protezzjoni tal-whistleblowers fl-Unjoni Ewropea.
Fl-istess konferenza tal-aħbarijiet, il-Kummissarju Ewropea Věra Jourová kienet qalet li se żżur Malta biex tara li tissaħħaħ il-pożizzjoni tal-Aġenzija kontra l-ħasil tal-flus f’Malta, l-FIAU u biex tistħarreġ għaliex il-liġi kontra l-ħasil tal-flus ma daħlitx fiż-żmien stipulat.