Zammit Dimech jiddeskrivi straordinarja l-pressjoni mill-Bank Pilatus fuq il-midja

L-Ewroparlamentari Nazzjonalista Francis Zammit Dimech saħaq li “l-pressjoni straordinarja mill-Bank Pilatus biex tikkontrolla dak li tippubblika l-midja indipendenti f’Malta, hija inaċċettabli u ma tirrispettax id-drittijiet taċ-ċittadini Ewropej”.
Waqt dibattitu fil-Parlament Ewropew fi Strasburgu, Zammit Dimech saħaq li dan minħabba li jinkludi wkoll id-dritt li ċ-ċittadini jistgħu jiksbu l-informazzjoni kollha  li tinteressahom.
Sostna li hemm rabta b’saħħitha bejn iċ-ċittadinanza Ewropew u s-salvagwardja tad-drittijiet taċ-ċittadini Ewropej. Irrimarka li ċ-ċittadini Ewropej għandhom jiddependu fuq l-istituzzjonijiet Ewropej biex jissalvagwardjaw id-drittijiet fundamentali tagħhom.
Zammit Dimech semma kif fl-aħħar jiem ġie rrappurtat li l-ġurnal The Malta Independent neħħa intervista mal-whistleblower Russa fil-każ Egrant, wara pressjoni mill-Bank Pilatus.  Semma wkoll kif l-istess whistleblower ikkonfermat il-kontenut tal-intervista f’laqgħa mal-MEPs nhar it-Tnejn li għadda.