Zammit Dimech bi proposti biex tissaħħaħ il-liġi tal-whistleblowers

IMDB

L-Ewroparlamentari Nazzjonalista, Francis Zammit Dimech ippreżenta numru ta’ proposti quddiem il-kumitat responsabbli mill-midja fi ħdan il-Parlament Ewropew sabiex tissaħħaħ il-leġiżlazzjoni għall-whistleblowers.

Fi stqarrija ġie spjegat li Zammit Dimech kien talab lill-Istati Membri sabiex jikkunsidraw emenda li tassigura li persuni li qed jitolbu biex jiġu protetti bħala whistleblowers ikunu intitolati biex jappellaw fil-Qorti tal-Ġustizzja jekk huma ma jingħatawx dan l-istatus mill-awtoritajiet ikkonċernati. Il-proposti rċevew l-appoġġ ta’ gruppi politiċi oħrajn.

Zammit Dimech enfasizza li l-ebda awtorità li hija inkarigata li tagħti l-protezzjoni u l-istatus ta’ whistleblower m’għandha tħalli kunflitti ta’ interess ixekkluha milli tagħmel xogħolha. Sostna li l-whistleblowers huma kruċjali fejn jidħol il-ġurnaliżmu investigattiv, u wieħed ma jistax ma jagħtix dan l-istatus għax għandu xi ħaġa kontra min japplika għalih jew xi jkun qal.

Fl-istqarrija ġie spjegat li Zammit Dimech kien ippropona wkoll li persuna li tkun qed taħseb biex tikxef xi ħaġa għandha tagħmel dan billi titkellem b’mod dirett ma’ ġurnalisti u aġenziji tar-rappurtaġġ u b’hekk tkun tista’ tibqa’ anonima. Spjega li madanakollu jekk iħossu li għandhom jagħmlu dan b’mod dirett permezz tal-midja, id-deċiżjoni tagħhom għandha tiġi rispettata.

Il-Kumitat responsabbli għall-midja se tieħu vot dwar dawn il-proposti fl-10 ta’ Ottubru.