“Żammejna l-pandemija taħt kontroll” – il-PM Abela

Read in English.

Il-Prim Ministru Robert Abela qal li t-tkabbir ekonomiku li huwa mbassar għal Malta fl-2022 huwa frott tal-ħidma ta’ Malta waqt il-pandemija, kemm fuq termini finanzjarji u anke mill-aspett mediku.

Stqarr li “żammejna l-pandemija mill-aspett mediku taħt kontroll” biex il-Kummissjoni Ewropea setgħet tbassar 6.2% fi tkabbir ekonomiku.

F’kollegament telefoniku, il-PM tkellem dwar l-analiżi tal-Kummissjoni Ewropea li kien ibbażat fuq ċifri ppubblikati mill-Gvern.

Il-PM fisser kif il-Kummissjoni waslet għal dan ir-riżultat “frott tal-inċentivi li ddaħħlu f’Malta biex jiġu salvati l-impjiegi” bħalma huma l-Wage Supplement u l-inizjattiva tal-vouchers. Semma wkoll il-proġett industrijali li qal li se jiswa mal-€470 miljun biex jiġi aktar investiment industrijali f’Malta.

Il-Prim Ministru saħaq li l-ambizzjoni tal-Gvern mhux biss li Malta tasal sa din il-mira iżda li jaqbeż din iċ-ċifra ta’ 6.2%.

Qabbel is-sitwazzjoni ta’ Malta fil-qasam mediku, ekonomiku u żamma ta’ impjiegi, ma’ pajjiżi oħra fl-Ewropa bħalma huma l-Italja u l-Greċja. Il-PM saħaq li fi żmien fejn kull pajjiż qed inaqqas l-impjiegi u jiżdied il-qgħad, f’Malta żdiedu l-impjiegi u naqas il-qgħad.

Immigrazzjoni

Il-Prim Ministru tkellem ukoll dwar il-kawża li għamlu aktar minn 50 immigrant mgħejjuna minn Repubblika kontra l-Gvern Malti. Qal li din m’għadhiex pożizzjoni biss tas-soċjetà ċivili iżda saret tal-Oppożizzjoni għaliex qal li l-Kap tal-Oppożizzjoni Bernard Grech huwa membru ta’ Repubblika u tkellem f’xi attivitajiet tal-istess għaqda.

Sellem lill-Brigadier tal-Forzi Armati ta’ Malta li ħadem biex ma jiddaħħlux immigranti f’Malta minkejja l-baħar bnazzi tal-aħħar ħamest ijiem.

Stqarr li mhix aċċettabbli li l-Oppożizzjoni ttellef il-ħidma tal-Gvern.

Jason Azzopardi “ipokrita”

Dwar il-Membru Parlamentari Jason Azzopardi, il-PM qal li fuq naħa jipprietka u “stqarr li biex tiskonġra trid tkun pur”. Il-PM qal li Jason Azzopardi huwa ipokrita u stqarr li bl-aġir tiegħu qed jagħmel disservizz lill-politika Maltija.

Spjega li l-Kap tal-Oppożizzjoni ħalla lilu nnifsu jiġu maħtuf u kkontrollat minn dawn in-nies u ma tħalliex jiżviluppa l-awtentiċità tiegħu.

Fisser kif dan iwasslu biex jgħid li l-Oppożizzjoni mhix awtentika.