Żamm pistola u sikkina fuqu “għax beża’ għad-deheb li kien liebes”

Ir-raġel li lbieraħ ġie arrestat f’Ħal Għargħur minħabba pussess ta’ arma tan-nar u oħra li taqta’ u bil-ponta qal fil-Qorti li żammhom fuqu għax irċieva xi theddid u beża’ għad-deheb li kellu fuqu.
Iż-żagħżugħ ta' 31 sena minn Birkirkara tressaq il-Qorti llum quddiem il-Maġistrat Donatella Frendo Dimceh, fejn ammetta li kellu fil-karozza pistola Beretta semiawtomatika, munizzjon, sikkina, għodda oħra b’xafra u ponn tal-ħadid.
Instema’ li r-raġel ikkopera mal-Pulizija, u li ma jaħdimx.
Madankollu l-Maġistrat iddeċidiet li jinżamm arrestat sad-9 t’April meta tinqatagħlu s-sentenza.