ŻAK joffru d-dar f’Birkirkara lil sitt professjonisti tas-saħħa

Members of the medical staff in protective suits pose for a photo in the COVID-19 intensive care unit at the San Raffaele hospital in Milan, Italy, March 27, 2020. REUTERS/Flavio Lo Scalzo

Read in English.

L-Azzjoni Kattolika Maltija (AKM) ddeċidiet li tospita sitt professjonisti tas-saħħa f’ŻAK House li tinsab f’Birkirkara. Fi stqarrija ġie spjegat li żewġ radjografi, żewġ fiżjoterapisti, infermiera u tabib qed joqogħdu f’din id-dar b’mod permanenti minħabba s-sitwazzjoni ta’ bħalissa biex ma jxerdux il-virus mal-familjari tagħhom.

Huma spjegaw li għamlu dan biex ikunu ta’ servizz fl-aktar mumenti diffiċli.

Għal dawn is=sitt persuni, din ma kinitx deċiżjoni faċli iżda ma kellhomx għażla oħra. Hekk kif feġġ l-ewwel każ huma bdew jaħsbu fil-konsegwenzi li jaf ikun hemm fuq il-familji tagħhom peress li jaħdmu l-isptar u għalhekk raw li dan kien l-aħjar mod kif jipproteġuhom, speċjalment għal dawk li kienu jgħixu ma’ qraba li jaqgħu fil-faxxa ta’ nies vulnerabbli.

Intqal li għal xi wħud minnhom li trabbew fl-Azzjoni Kattolika u li għexu esperjenzi u memorji sbieħ f’din id-dar, il-fatt li qiegħdin f’post familjari jtaffi xi ftit mill-isfida li għaddejjin minnha.  L-appoġġ u r-refuġju li sabu mill-Azzjoni Kattolika, li rat li f’din id-dar ma jkun jonqoshom xejn, ittihom iktar kuraġġ biex jaffaċċjaw ġurnata oħra l-isptar. 

L-istqarrija ttemm b’ringrazzjament għal min qed ikun t’appoġġ f’dan il-mument fosthom it-tobba, infermiera, ħaddiema fis-supermarkets, dawk li jieħdu ħsieb it-tindif, dawk li jduru bil-morda, il-bdoti tal-merkanzija, il-forzi tal-ordni, voluntiera, saċerdoti, reliġjużi u tant u tant oħrajn li fehmu li ħadd ma jista’ jsalva waħdu kif qal il-Papa Franġisku.

Jekk tixtieq tkun minn tal-ewwel li tirċievi l-aħħar aħbarijiet dwar il-coronavirus f’Malta, niżżel l-APP ta’ Newsbook minn hawn