Żagħżugħa tinżamm arrestata fuq suspett li qatlet lil binha tarbija

Mara qed tinżamm arrestata fuq suspett li qatlet lil binha ta’ 18-il xahar wara li dan waqa’ għoli ta’ sitt sulari mit-tieqa ta' appartament fl-Ingilterra.
Il-Pulizija marret f’blokka ta’ appartamenti fi Bradford nhar is-Sibt ftit wara l-5pm wara li rċeviet rapport li kien hemm tarbija fil-periklu tal-mewt.
Madanakollu sfortunatament it-tarbija ġiet ċertifikata fuq il-post.
Nick Wallen, li qed imexxi l-investigazzjoni f’dan il-każ, qal li dan kien każ trawmatiku u li uffiċjali mħarrġa apposta qed jaħdmu u jappoġġjaw lill-membri tal-familja tat-tarbija u lil dawk li raw l-inċident iseħħ.
Żied jgħid li l-omm ta’ 23 sena qed tinżamm arrestata fuq suspett li kkaġunat il-mewt tat-tarbija u li din qed tiġi eżaminata fuq livell mediku.
Il-Pulizija qalet li mhix tfittex persuni oħra b’konessjoni ma’ dan il-każ, madanakollu qed tappella biex xhieda b’aktar informazzjoni jagħmlu kuntatt magħha.
Wallen ma kkonfermax fuq liem suspett qed tinżamm l-omm, b’mod partikolari jekk mhux għax għal xi raġuni waddbet lit-tarbija hi jew jekk għax ħallithiex weħidha u riżultat ta’ dan b’xi mod din ixxabtet u waqgħet.
Waħda mill-ġirien ta’ 59 sena qalet mal-midja internazzjonali li kienet qed tagħmel telefonata x’ħin ħarset barra t-tieqa  tal-appartament tagħha fl-ewwel sular x’ħin rat lit-tarbija fl-art fit-triq taħt it-tieqa tagħha u li għal biedu ħasbitha pupa.