Żagħżugħa Maltija tkompli tissorprendi x-xena mużikali

Ta' 15-il sena l-kantanta żagħżugħa Nicole Hammett kompliet iżżid mal-lista ta' suċċessi tagħha hekk kif ħarġeti filmat mużikali ġdid.
Filwaqt li tul dawn l-aħħar snin Hammett saret magħrufa għat-talent mużikali tagħha f'diversi festivals u kompetizzjonijiet, tant li s-sena li għaddiet l-ewwel single tagħha bl-isem Start Over temm is-sena mal-aktar 10 diski popolari lokalment, issa għadha kemm ħarġet verżjoni tal-kanzunetta La Forza.
Għal xi wħud jaf ma tkunx l-ewwel darba li semgħu din il-kanzunetta hekk kif din is-sena ntgħażlet biex tirrapreżenta l-Estonia fil-Eurovision mill-kantanta Elina Nechayeva.
Il-filmat mużikali ta' Hammett tant għamel suċċess li f'inqas minn ġimgħa minn meta ħareġ diġa rawh kważi 500,000 persuna u nxtered mal-internet għal aktar minn 1,000 darba.
Apparti kompetizzjonijiet lokali Hammett għamlet suċċess f'kompetizzjonijiet internazzjonali, inkluż San Remo JuniorThe Voice Kids UK fejn waslet sa' fażi B filwaqt li s-sena l-oħra kkompetiet fil-World Championships of Performing Arts Los Angeles Hollywood.
Tista' ssegwi aktar mill-qrib is-suċċessi ta' Nicole Hammett minn din il-ħolqa.