Żagħżugħa li waqa’ fuqha apparat tad-dawl tingħata €463,465

Żagħżugħa li spiċċat ma timxix wara li waqa’ fuqha apparat tad-dawl fil-Qawra ingħatat €463,465 għad-danni li sofriet.
Vladyslava Kravchenko, li kienet ġinnasta, kienet weġġgħet f’post ta’ divertiment fuq barra fil-Qawra. Il-każ seħħ disa’ snin ilu u fil-Qorti nstema’ kif sofriet minn 75% diżabilità.
L-Imħallef Silvio Meli kkonkluda li l-miżuri ta’ saħħa u sigurtà ma kinux adegwati u l-organizzaturi fallew milli jipprovdu l-miżuri kollha ta’ prekawzjoni.
Għalkemm l-organizzaturi kienu saħqu li dakinhar kien ir-riħ, il-Qorti kkonkludiet li dan l-argument ma jgħoddx ġaladarba l-attività saret xorta waħda.
Kien għalhekk li l-Qorti żammet lill-organizzaturi u lill-Kunsil Lokali responsabbli għall-inċident.