Żagħżugħ ta’ 19-il sena jitlef ħajtu bil-mutur f’San Ġiljan

Denilson Briffa, żagħżugħ ta’ 19-il sena tilef ħajtu f’inċident tat-traffiku lbieraħ filgħaxija f’San Ġiljan.
Kelliem għall-Pulizija kkonferma li l-inċident seħħ fl-10pm fi Triq Birkirkara f’San Ġiljan.
Il-Pulizija u ambulanza ssejħu fuq il-post minn persuni li sabu liż-żagħżugħ, minn San Ġiljan stess, mal-art ħdejn il-mutur tiegħu.
Għaldaqstant iż-żagħżugħ ġie ċċertifikat mejjet fuq il-post mit-tabib akkumpanja l-ambulanza.
Il-kelliem għall-Pulizija kkonferma li ma kienx hemm vetturi oħra nvoluti fl-inċident.
Dwar il-każ infetħet inkjesta maġisterjali u filwaqt li bil-każ ġiet informata l-maġistrat Claire Stafrace Zammit.