Żagħżugħ ta’ 19-il sena jmut wara ħabta fl-Imġarr

inċident tat-traffiku fatali Mġarr
CMRU

Read in English.

Sewwieq ta’ karozza li kellu biss 19-il sena miet f’inċident tat-traffiku fl-Imġarr matul il-lejl li għadda. Intant, passiġġier li kien hemm miegħu fil-karozza qed jissielet għal ħajtu.

Fi stqarrija l-Pulizija spjegat li l-inċident seħħ fil-11.15pm fi Triq Sir Temi Zammit.

Mill-investigazzjonijiet ħareġ li l-karozza misjuqa miż-żagħżugħ ta’ 19-il sena li joqgħod il-Mosta kienet qed tinstaq lejn il-Mosta. Intant, il-karozza l-oħra involuta fl-inċident kienet qed tinstaq minn raġel ta’ 35 sena mill-Imġarr. Dan kien sejjer fid-direzzjoni lejn l-Imġarr. Maż-żagħżugħ kien hemm passiġġier żagħżugħ ieħor ta’ 18-il sena li wkoll joqgħod il-Mosta.

Minħabba l-impatt qawwi, fuq il-post issejħet l-assistenza tal-membri tal-Protezzjoni Ċivili biex joħorġu liż-żgħażagħ mill-karozza. Tim mediku mill-Emerġenza tal-Isptar Mater Dei taw l-ewwel għajnuna littliet persuni involuti u wara ttieħdu l-isptar.

Iż-żagħżugħ ta’ 19-il sena ġie ċċertifikat li miet ftit wara kawża tal-ġrieħi serji li ġarrab, waqt li ż-żagħżugħ ta’ 18-il sena weġġa’ b’mod serju. Il-kundizzjoni tar-raġel ta’ 35 sena għadha pendenti.

Bl-inċident ġiet infurmata l-Maġistrat tal-Għassa Dr Marseann Farrugia li ħatret inkjesta.

L-investigazzjonijiet tal-Pulizija qegħdin jitmexxew minn tad-Distrett tal-Mosta.