Żagħżugħ ta’ 18-il sena arrestat; Allegatament seraq 13-il mowbajl

Read in English.

Żagħżugħ ta’ 18-il sena ġie arrestat wara li f’April li għadda seraq 13-il mowbajl minn stabbiliment f’Birkirkara. L-allegat serqa seħħet fit-2 ta’ April għall-ħabta tas-1.20am. B’kollox insterqu 13-il mowbajl li l-valur tagħhom huwa ta’ madwar €8,000.

Il-Pulizija fi stqarrija qalet li dan l-arrest sar wara ħidma mid-Dipartiment tal-Investigazzjonijiet Kriminali li rnexxielha tkisser ċirku ta’ serq ta’ mowbajls li mbagħad allegatament jinbiegħu kemm fis-swieq lokali kif ukoll barra’ minn Malta.

Il-Pulizija rnexxielha tasal għal wieħed miż-żewġ persuni li allegatament wettaq din is-serqa u ġie arrestat. Allegatament dan l-individwu jifforma parti minn grupp ta’ persuni nvoluti f’ċirku ta’ serq ta’ mowbajls li mbagħad jinbiegħu fost l-oħrajn fis-swieq barranin.

Mill-investigazzjonijiet illi saru mill-Pulizija tad-Dipartiment tal-Investigazzjonijiet Kriminali rriżulta li żewġ persuni dak il-ħin dehru jisgassaw il-bieb ta’ barra’ tal-istabbiliment u daħlu ġewwa. Malli sabu ruħhom fil-ħanut, iż-żewġ persuni serqu ammont ta’ mowbajls minn fuq l-ixkaffef.

Irriżulta li l-oġġetti li nsterqu fit-2 ta’ April inbiegħu lokalment. Iż-żagħżugħ arrestat mistenni jitressaq il-Qorti fis-sigħat illi ġejjin u jkun akkużat li kkommetta serq ta’ mowbajls, kif ukoll li renda ruħu riċediv. L-investigazzjonijiet dwar dan il-każ għadhom għaddejjin u mhux eskluż li ‘l quddiem jitressqu aktar persuni l-Qorti.