Żagħżugħ ta’ 17-il sena akkużat bi qtil ta’ dimostranti f’Wisconsin

Żagħżugħ ġie akkużat bil-qtil ta’ żewġ persuni u li darab għadd ta’ persuni oħra waqt li kienu għaddejjin protesti kontra l-aħħar każ fejn il-Pulizija sparat fuq raġel ta’ karnaġġjon skur f’Wisconsin.

Siti internazzjonali qed jirrappurtaw kif Kyle Rittenhouse, ta’ 17-il sena, allegatament spara fuq tliet persuni t-Tlieta wara dimostrazzjonijiet li bdew wara li seħħ sparar fuq ir-raġel ta’ 29 sena, bl-isem ta’ Jacob Blake.

Iż-żagħżugħ ta’ 17-il sena qal lill-ġurnalisti li kien xogħolu li jipproteġi l-binjiet f’Kenosha, Wisconsin minn dawk li kienu qed jipprotestaw. Hu issa qed jaffaċċja sitt akkużi kriminali b’rabta mal-isparaturi.

Jidher li meta wieħed iħares lejn il-profili tal-midja soċjali tiegħu, jara li hu ammiratur tal-President Donald Trump u li għandu passjoni lejn il-pulizija u l-armi tan-nar.

L-isparaturi ta’ Rittenhouse ġew fit-tielet lejl ta’ protesti wara li uffiċjal tal-pulizija spara seba’ tiri f’dar Jacob Blake il-Ħadd filgħaxija. L-avukati ta’ Blake qed jgħidu li hu jista’ jerġa’ jimxi biss jekk isir xi tip ta’ miraklu. Il-Pulizija sabu sikkina fil-karozza ta’ Blake, iżda ma kienx hemm aktar armi. L-investigazzjonijiet fil-każ għadhom għaddejjin.