Żagħżugħ ta’ 16-il sena fost 2 arrestati dwar pussess ta’ droga

CMRU

Żagħżugħ ta’ 16-il sena kien arrestat wara li nstab li kellu fuqu ħaxixa tal-kannabis u affarijiet oħra relatati mal-abbuż tal-istess droga.

Fi stqarrija l-Pulizija spjegat li fis-sigħat li għaddew l-Iskwadra tal-Pulizija ta’ Kontra d-Droga arrestat żewġ żgħażagħ, wieħed ta’ 24 sena u ieħor ta’ 16-il sena, b’rabta ma’ allegat traffikar u pussess ta’ droga.

Il-Pulizija spjegaw li kienu ilhom diversi jiem josservaw il-movumenti ta’ dawn iż-żewġ persuni, sakemm sar l-arrest, f’residenza privata fl-Isla fejn jgħix il-ġuvni ta’ 24 sena.

Mit-tfittxija li saret f’din ir-residenza, il-Pulizija sabu 24 pakkett b’sustanza bajda suspettata droga kokaina, 13-il pakkett b’sustanza kannella suspettata droga eroina, blokka suspettat raża tal-kannabis, kif ukoll diversi oġġetti relatati mal-abbuż u traffikar taddroga u ammont konsiderevoli ta’ flus kontanti.

Iż-żagħżugħ ta’ 24 sena mistenni jitressaq il-Qorti illum, għall-ħabta tal-11am, quddiem il-Maġistrat Dr. Audrey Demicoli. Intant, iż-żagħżugħ ta’ 16-il sena mistenni jitressaq quddiem it-Tribunal tal-Ġustizzja aktar ‘il quddiem.