Żagħżugħ ta’ 15-il sena għall-Beatifikazzjoni

Il-Papa Franġisku awtorizza lill-Kongregazzjoni għall-Kawża tal-Qaddisin biex tippromulga numru ta’ digrieti dwar tmien irġiel u mara, kandidati għall-kawża ta’ Qdusija, fosthom dak ta’ Carlo Acutis, żgħażugħ li miet fl-età ta’ 15-il sena, kawza ta’ lukemia.

Carlo Acutis twieled f’Londra fit-3 ta’ Mejju 1991 iżda miet f’Monza, l-Italja fit-12 ta’ Ottubru 2006.  Ismu jinsab fost dawk tal-Qaddisin u Beati ġodda li se jkunu proklamati fi żmien qasir.

Stqarrija mill-Uffiċċju Stampa tal-Vatikan qalet li l-Papa kellu udjenza mal-Kardinal Angelo Becciu, Prefett tal-Kongregazzjoni għall-Każa tal-Qaddisin u awtorizzah biex jippromulga u jippublika d-digrieti relattivi dwar dawn il-persuni.

“Carlo Acutis dalwaqt Beatu! Id-djoċesi ta’ Nocera Umbra f’Assisi tifraħ. L-aħbar tant mistennija fl-aħħar waslet. Il-Papa approva l-miraklu li għandu jwassal biex fir-Rebbiegħa li ġejja, il-Venerabbli Carlo Acutis, li hu midfun fis-Santwarju ta’ San Franġisk, jitla’ għall-glorja tal-artali”.

Aħbar sabiħa

Hekk iddikjara f’komunikat, Mons. Domenico Sorrentino, Isqof ta’ Nocera Umbra li fih esprima “ferħ kbir għall-Knisja tagħna li rat lil dan iż-żagħżugħ imxi fuq il-passi ta’ San Franġisk, lejn il-Qdusija. F’din il-knisja tgħammed u akkumpanjajnih għal-laqgħa tiegħu ma’ Kristu. Dan hu ta’ ferħ kbir għad-devoti tiegħu madwar id-dinja. Ferħ kbir fuq kollox, għaż-żgħażagħ li fih għandhom isibu mudell għal ħajjithom.

L-Isqof żied jgħid li s-slogans ta’ dan iż-żgħażugħ jinsabu fuq fomm kulħadd. Saħansitra l-Papa Franġisku fl-ittra tiegħu liż-żgħażagħ tad-dinja, “Christus Vivit” għażel wieħed minn dawn is-slogans.

L-aktar wieħed radikali fosthom hu “Mhux jien, imma Alla”. U ieħor li jgħid li “L-Ewkaristija hi l-highway tiegħu lejn il-Ġenna”.

“Fis-Santwarju Franġiskan, flimkien ma’ San Franġisk t’Assisi li neża’ minn kulma kellu, inkluż ħwejjġu biex isgwi lil Kristu, Carlo Acutis, qed jiġbed eluf ta’ żgħażagħ devti minn madwar id-dinja.”

L-Isqof Sorrentino temm il-messaġġ tiegħu billi awgura li l-Beatifikazzjoni ta’ Acutis isservi bħala punt ta’ riferiment u inkoraġġiment għall-qdusija. Il-Qdusija hi vokazzjoni għal kulħadd. Anke għaż-żgħażagħ!

Carlo kien jaf juża t-teknoloġija tal-komunikazzjoni biex iwassal l-Evanġelju u biex jikkomunika lvaluri. Qabel miet fl-2006 irnexxielu joħloq database online dwar mirakli Ewkaristiċi madwar id-dinja.

Ix-xogħol tiegħu kien jinkludi esibizzjoni mobbli ta’ mirakli Ewkaritiċi li żaret il-kontinenti kollha u kienet ispirazzjoni għad-dokumentarji “Sinjali” li pproduċa d-Dekasteru tal-Komunikazzjoni tal-Vatikan f’Ottubru 2018.