​Żagħżugħ minn Bormla jmut waqt Facebook Live

Jake Cutajar, żagħżugħ ta’ 21 sena minn Bormla miet illum waqt li kien live fuq Facebook.
Il-live beda ftit qabel il-11 ta’ filgħodu u dam għaddej madwar tliet sigħat u l-għan tiegħu kien li jitlob għan-nies morda.
Jake deher fil-bidu tal-filmat u wara li qam minn bilqiegħda ma deherx u ma nstemax iktar. Madanakollu għall-aħħar tal-filmat dehru qraba tiegħu jibku.
Skont il-paġna The People of Malta, ix-xewqa ta’ Jake kienet li jiltaqa’ mal-Papa Franġisku, imma ma setax minħabba li l-kundizzjoni tiegħu ma tippermettix li jsiefer b’ajruplan.  It-tama tiegħu kienet li l-Papa jiġi Malta.
Il-kundizzjoni ta’ Jake hi li m’għandux biżżejjed ossiġnu fid-demm. Huwa wieħed mill-iżgħar persuni f’Malta b’din il-kundizzjoni.
Jake, kellu kollezzjoni ta’ statwi, uħud jixtrihom u oħrajn jaqlagħhom bħala rigal.
“Kieku kienu ta’ veru qishom it-tfal tiegħi, dejjem innaddafhom u nirranġahom”, kien qal Jake ma’ The People of Malta.
Mijiet ta’ persuni esprimew ix-xokk tagħhom għall-mewt ta’ Jake Cutajar, waqt li oħrajn taw il-kondoljanzi lill-qraba tiegħu.
Strieħ fis-sliem, Jake.