Żagħżugħ Malti fit-tieni post f’kompetizzjoni Franċiża

Reece Delia, ġuvni ta’ 25 sena ikklassifika fit-tieni post f’kompetizzjoni tal-kitba kreattiva bil-Franċiż. Hu ħa sehem fil-kompetizzjoni La Plume D’Or fejn jikkompetu ma’ Reece kien hemm eluf oħra ġejjin minn pajjiżi Frankofoni. Hu qal li beda jistudja l-lingwa Franċiża mindu kellu għaxar snin. Reece qal li l-istudju tal-lingwa minn dejjem kien għal qalbu, b’mod speċjali l-Franċiż. Illum il-ġurnata kapaċi jitkellem seba’ lingwi, fosthom l-Ispanjol, il-Portugiż u l-Ġermaniż.

La Plume D’Or hija kompetizzjoni internazzjonali strutturata madwar il-kitba, b’mistoqsijiet dwar il-grammatika Franċiża, il-kultura Franċiża u komponiment qasir. Reece għażel li jikteb dwar il-valur tal-familja.

Il-Ministru għall-Affarijiet Barranin Carmelo Abela feraħ lil Reece Delia għar-riżultat pożittiv li kiseb. Abela qal li dan l-aħħar Malta ingħaqdet ma’ Organizazzjoni Internazzjonali tal-Frankofoni (OIF) u għall-ewwel darba ċċelebrajna l-hekk imsejħa ‘La Francophonie’.