Żagħżugh Malti fil-film Aladdin ta’ Disney

Nathaniel Ellul. Ritratt: Facebook

Iż-żagħżugħ Malti Nathaniel Ellul hu fost dawk li se nkunu nistgħu naraw fil-film Aladdin meta jinħareġ fiċ-ċinemas lokali jumejn oħra.

Għal Nathaniel Ellul, dan mhux l-ewwel film li qed jidher fih għax is-sena l-oħra kien fost xi Maltin oħra li dehru fil-film Mamma Mia! Here We Go Again. Wara ħa sehem ukoll fil-film The Underdog.

Ritratt: Facebook

F’Mamma Mia: Here We Go Again, Nathaniel deher f’żewġ kanzunetti u fil-film il-ġdid ta’ Aladdin għandu xena fejn il-gwardjani jkunu qed ikantaw.

Għal Nathaniel u oħrajn bħalu, dawn il-films huma dejjem esperjenzi sbieħ iżda ma tantx ikunu jistgħu jitkellmu qabel dwar xi jkunu qd jagħmlu minħabba li l-prodott finali spiss jispiċċa b’għadd ta’ xeni maqtugħa.

Iżda f’dan it-tmiem il-ġimgħa, iż-żagħżugħ Malti rnexxielu jara l-film komplut u issa ovvjament nistennew li dan il-film jasal ukoll f’pajjiżna minn nhar l-Erbgħa.

F’messaġġ fuq Facebook hu kkonferma li x-xena li huwa ħadem se tkun qed tidher. Din tinsab fil-bidu tal-film u għalkemm hija xena żgħira, tikkonferma d-determinazzjoni ta’ bosta żgħażagħ Maltin li llum qed isibu ħafna opportunitajiet simili.

Il-film Aladdin ta’ Disney għandu direzzjoni ta’ Guy Ritchie u fil-kast jinkludi lil Will Smith u Mena Massoud fil-partijiet ewlenin.

Il-film inġibed f’Wadi Ram fil-Ġordan u fl-istudjos f’Longcross, f’Surrey, fl-Ingilterra.