Żagħżugħ ma jinstabx ħati ta’ qtil involontarju ta’ anzjan f’Ħondoq ir-Rummien

MGOZ- George Scerri

Żagħżugħ ma nstabx ħati li qatel b’mod involontarju lil anzjan f’inċident li seħħ f’Ħondoq ir-Rummien erba’ snin ilu.

Is-sentenza nqatgħet illum fil-konfront taż-żagħżugħ ta’ 23 sena min-Nadur, li f’Ġunju tal-2016 kien qed isuq dinghy qrib Ħondoq ir-Rummien waranofsinhar meta bl-iskrun laqat lil raġel li kien qed jgħum fiż-żona. Ir-raġel kien minn Wales u kellu 64 sena. Huwa miet ftit wara li ttieħed l-Isptar Ġenerali t’Għawdex.

Iż-żagħżugħ ġie akkużat bi qtil involontarju u li xehed falz fil-qorti.

Fil-proċedimenti fil-qorti, l-armla tal-vittma spjegat li marret il-baħar ma’ żewġha dakinhar tal-inċident, bħalma kienu jagħmlu ta’ sikwit. Żewġha kien imdorri jgħum ‘il barra miż-żona fejn normalment joqogħdu l-għawwiema.

Persuna li kienet preżenti qalet li ratu jogħdos mingħajr ma kien liebes wet suit u mingħajr baga. Persuna li kienet hemmhekk bil-kayak qalet li rat lill-anzjan madwar 100 metru ‘l bogħod minn pjattaforma tal-konkrit u 30 metru ‘l bogħod mix-xatt. Dawk li kienu bil-kayaks bilkemm intebħu bl-anzjan.

Il-Qorti, preseduta mill-Maġistrat Joe Mifsud, ikkummentat li l-evidenza wriet li l-vittma kien qed jgħum ‘il barra miż-żona ristretta. Minħabba f’hekk, kien mistenni li jieħu l-prekawzjonijiet meħtieġa biex jevita inċidenti. Il-Maġistrat issokta jgħid li x’aktarx l-għawwiem ma deherx mid-dgħajjes, u li n-nuqqasijiet tiegħu kienu r-raġuni għall-inċident.

Għaldaqstant, iż-żagħżugħ ma setax jinstab ħati minħabba n-negliġenza tal-vittma, u nħeles mill-akkużi kollha kontrih. Rigward l-akkuża li xehed falz, il-Qorti qalet li m’għandhiex biżżejjed evidenza biex issibu ħati ta’ dan.