Żagħżugħ ma jingħatax il-ħelsien wara li weġġa’ gravi lil ħuh

Żagħżugħ ta’ 29 sena residenti l-Ħamrun ma ngħatax il-ħelsien mill-arrest wara li wieġeb ħati li lbieraħ fil-Ħamrun stess, mingħajr il-ħsieb li jqiegħed il-ħajja ta’ ħaddiehor f’periklu ċar, permezz ta’ mug, ikkaġuna feriti ta’ natura gravi fuq ħuh.

Huwa kien akkużat ukoll li fil-ġimgħat ta’ qabel, bl-imġiba tiegħu, ikkaġuna biża lil ommu u lil ħuh, li se tintuża l-vjolenza kontrihom. Hu anke kien akkużat li hedded bil-vjolenza u bil-mewt lil ommu.

Filwaqt li wieġeb ħati għall-akkużi miġjuba kontrih, iż-żagħżugħ ma ngħatax il-ħelsien mill-arrest u qiegħed jinżamm fil-Faċilità Korrettiva ta’ Kordin. Il-każ mistenni jkompli jinstema’ fl-aħħar ta’ dan ix-xahar.