Żagħżugħ l-isptar u 2 arrestati wara argument f’Paceville

Żagħżugħ spiċċa l-isptar wara argument f’Paceville li wassal għall-arrest ta’ żewġ persuni.

Fi stqarrija l-Pulizija spjegat li l-argument seħħ fis-1.15am illum fi Triq Santa Rita, San Ġiljan (Paceville). Mal-wasla fuq il-post, il-pulizija sabet raġel mimli demm. Ir-raġel Ġermaniż ta’ 20 sena x’aktarx kien involut f’argument ma’ xi persuni oħra fejn allegatament qala’ xi daqqiet u sofra xi ġrieħi.

Fuq il-post issejħet ambulanza li ħadet lill-vittma l-Isptar Mater Dei. Aktar tard ħareġ li kien qed isofri minn ġrieħi gravi.

Investigazzjonijiet ulterjuri mill-pulizija wasslu sabiex jiġu identifikati żewġt irġiel li allegatament kienu involuti fl-argument. Dawn ittieħdu l-lock-up fil-Kwartieri Ġenerali tal-Pulizija, il-Furjana.