Żagħżugħ jolfoq fl-awla għax instab ħati li ffroda €5,000

Impjegat ta’ kumpanija ta’ logħob tal-azzard ammetta li ħa karti tal-logħob li jammontaw għal €5,000, u ngħata sentenza ta’ ħabs sospiża.

Iż-żagħżugħ ta’ 21 sena minn Sanremo fl-Italja deher quddiem il-Maġistrat Charmaine Galea lbieraħ, akkużat bi frodi u approprjazzjoni ta’ flus bla dritt.

L-Ispettur Roderick Agius mill-Prosekuzzjoni spjega li wara li sab mod kif jieħu l-biljetti, l-akkużat kien ibagħbashom biex ħadd ma jinduna li dawn ikunu sparixxew. Madankollu, instab li kien wettaq frodi, u investigazzjoni li segwiet sabet filmati mill-kameras tas-sigurtà li juru li l-akkużat hu ħati. Fil-fatt, huwa wieġeb ħati għall-akkużi.

L-avukata tiegħu argumentat li hu kkopera mal-pulizija u kien lest li jrodd lura l-flus li ħa, it-total ta’ €5,112, lura. Diġà kien ta €300 minnhom, u missieru kellu jagħti l-kumplament.

Il-Prosekuzzjoni talbet lill-Qorti tasal għal deċiżjoni sal-ġimgħa d-dieħla, sabiex missieru jilħaq jiġi Malta mill-Italja biex iħallas, iżda dan qajjem dubju dwar fejn se joqgħod iż-żagħżugħ sakemm ikun meħlus mill-arrest. Għalhekk, il-Prosekuzzjoni oġġezzjonat għall-ħelsien mill-arrest qabel ma jingħataw il-flus kollha lura.

Waqt li ż-żagħżugħ beda jolfoq fl-awla, il-Qorti qalet li sabitu ħati u tatu s-sentenza ta’ 20 xahar ħabs, sospiżi għal sentejn. Hija ordnatlu li jrodd lura l-flus misruqa fi żmien 48 siegħa.