Żagħżugħ jitlef ħajtu f’inċident f’Ħal Lija

Żagħżugħ Eritrean ta’ 33 sena residenti l-Belt Valletta tilef ħajtu f’inċident tat-traffiku li seħħ fis-2.20 am fi Triq in-Naxxar, Ħal Lija.

Jidher li waqt li ż-żagħżugħ kien qed isuq fid-direzzjoni minn Birkirkara lejn il-Mosta għal xi raġuni tilef il-kontroll tal-vettura tiegħu u ħabat ma’ arblu u siġra. 

Il-vettura spiċċat f'għalqa fejn ħabtet ukoll ma' ċint tal-istess għalqa.

Membri mid-Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili u tim mediku mill-Isptar Mater Dei marru immedjatament fuq il-post.

Iż-żagħżugħ ittieħed l-Isptar għal kura medika, iżda kawża tal-feriti gravi li kellu tilef ħajtu ftit tal-ħin wara.

Fil-vettura misjuqa miż-żagħżugħ ma kien hemm l-ebda passiġġier.